BIN SIRAK 24 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 24Id-diskors tal-għerf

1L-għerf ifaħħar lilu nnifsu,

u jiftaħar f’nofs il-poplu tiegħu.

2Jiftaħ fommu fil-ġemgħa tal-Għoli,

u jiftaħar quddiem qawwietu.

3“Jien ħriġt minn fomm l-Għoli

u għattejt l-art bħan-nida.

4Tellajt fl-għoli l-għarix tiegħi,

u t-tron tiegħi kien kolonna sħab.

5Waħdi dort id-dawra ta’ fuq is-smewwiet,

u mxejt f’qiegħ l-abbiss.

6Ħadt f’idejja mewġ il-baħar u l-art kollha,

u kull poplu u ġens.

7Fost dawn kollha fittixt fejn nistrieħ

u f’art min immur noqgħod.

8Imbagħad il-Ħallieq ta’ kollox tani ordni,

u dak li ħalaqni għażel post għall-għarix tiegħi,

u qalli: “Tella’ l-għarix tiegħek f’Ġakobb,

u iret sehmek f’Iżrael.”

9Qabel kull żmien, fil-bidu, ħalaqni,

u sal-aħħar taż-żmien ma niġix nieqes.

10Għamiltha ta’ qaddej quddiemu fl-Għarix Imqaddes,

u hekk tqigħedt fis-sod f’Sijon.

11Hekk ukoll qegħedni nistrieħ fil-belt maħbuba,

u s-setgħa tiegħi kienet fuq Ġerusalemm.

12U xenxilt għeruqi f’poplu ta’ ġieħ,

f’sehem il-Mulej, fil-wirt tiegħu.

13Għolejt bħal ċedru tal-Libanu,

u bħal ċipressa fuq l-għoljiet tal-Ħermon.

14Għolejt bħal palma f’Għajn-geddi,

u bħal xtieli tal-ward f’Ġeriko;

bħal żebbuġa l-ġmiel tagħha f’wita,

u bħal dolf għolejt.

15Bħall-kannella u l-akaċja rmejt il-fwejjaħ,

bħall-mirra mill-aħjar sawwabt il-fwieħa,

bħall-galbanu, l-oniċi u l-istoraċ,

u bħad-duħħan tal-inċens fl-għarix.

16Jien bħal terebint frixt il-friegħi tiegħi,

u l-friegħi tiegħi huma friegħi ta’ min jagħtihom ġieħ u jitgħaxxaq bihom.

17Jien bħal dielja tarmi żahar li jiġbdek,

u n-nwar tiegħu jagħmel frott ta’ glorja u ġid.

18 Jien omm l-imħabba safja,

il-biża’ u l-għerf u t-tama qaddisa.

19Ersqu lejja intom li tixtiquni,

u mtlew bil-frott tiegħi.

20Għax tifkirti oħla mill-għasel,

u sehmi minn xehda għasel.

21Min jiekol minni jieħdu l-ġuħ għal aktar,

u min jixrob minni jieħdu l-għatx għal aktar.

22Min jisma’ minni ma jkollux għax jistħi,

u dawk li jaħdmu bija ma jidinbux.L-għerf u l-Liġi

23Dan kollu hu ktieb il-patt ta’ Alla l-Għoli,

il-Liġi li ordnalna nħarsu Mosè,

il-wirt tal-ġemgħat ta’ Ġakobb.

24 Tiqafx tissaħħaħ fil-Mulej;

ingħaqad miegħu biex jagħtik is-saħħa;

il-Mulej li jista’ kollox, hu waħdu Alla,

u m’hemmx salvatur ħliefu.

25Tfawwar il-bniedem bl-għerf bħall-Pison,

jew bħat-Tigri f’jiem il-frott tal-bikri.

26Timlieh bid-dehen bħall-Ewfrat,

u bħall-Ġordan f’jiem il-ħsad.

27It-tagħlim jagħmlu jiddi bħad-dawl,

u bħall-Giħon f’jiem ġbir il-frott.

28Kif l-ewwel bniedem ma kienx jafha sewwa,

hekk ukoll l-aħħar wieħed ma fehemhiex għalkollox,

29għax ħsibijietha kotrana iktar mill-baħar,

u fehmietha iktar fondi mill-abbiss.

L-awtur

30U jien bħal kanal ħiereġ minn xmara,

u bħal mogħdija ilma dieħla fi ġnien.

31Għedt: “Insaqqi l-masġar tiegħi,

u nisqi kull roqgħa fil-ġnien tiegħi,”

u ara, il-kanal tiegħi sar xmara,

u x-xmara tiegħi saret baħar.

32It-tagħlim għad nagħmlu jiddi daqs it-tbexbix,

u nwassallu ’l bogħod id-dawl tiegħu.

33It-tagħlim għad insawbu bħal profezija,

u nħallih għal kull nisel tul iż-żminijiet.

34Araw li ma tħabatx għalija biss,

imma għal kull min ifittex it-tagħlim.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help