1Isktu quddiemi, intom xtut;
u ħalli l-popli jitqawwew mill-ġdid!
Ħa jersqu l-ewwel, imbagħad jitkellmu:
u nersqu għall-ħaqq flimkien!
2Min qajjem mil-Lvant lil dak,
li r-rebħ jiġri wara riġlejh?
Irħielu l-ġnus f’idejh,
biex irażżan is-slaten?
Li b’sejf jagħmilhom trab,
u b’qawsu karfa ttir mar-riħ?
3Jiġri warajhom, u jibqa’ għaddej fis-sliem,
lanqas biss b’riġlejh ma jmiss it-triq.
4Min għamlu u temmu dan?
Min sejjaħ il-ġenerazzjonijiet mill-bidu?
Jiena, il-Mulej,
Jiena l-ewwel, u ma’ tal-aħħar,
jiena hu!
5Jaraw ix-xtut u jibżgħu,
truf l-art jitriegħdu.
Huma resqu u ġew.
6Jgħinu ’l xulxin sieħeb lil ieħor,
u l-aħwa jgħidu lil xulxin:
“Agħmel il-ħila!”
7Il-ħaddied jagħmel il-ħila lil tad-deheb;
min jaħfi bil-martell
lil min iħabbat fuq l-inkwina,
u jgħidu: “Tajba s-saldatura.”
U mbagħad jissudah bl-imsiemer,
biex ma jitħarrikx.
8Imma int Iżrael, il-qaddej tiegħi,
Ġakobb, jien ħtartek,
nisel Abraham, ħabibi.
9Lilek jien qbadtek minn truf l-art,
u sejjaħtlek minn l-ibgħad inħawi tagħha,
u għedtlek: “Int il-qaddej tiegħi,
jiena ħtartek, u ma rmejtikx.”
10La tibżax, għax miegħek jien!
La titħassibx, għax Alla tiegħek jien!
Jiena nwettqek, jiena ngħinek;
inwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!
11Ara, għad jistħu u jitriegħxu,
dawk kollha li nkurlaw għalik;
jiġu fix-xejn u jintemmu
n-nies li jħaqquha miegħek.
12Tfittixhom u ma ssibhomx,
in-nies li jeħduha miegħek;
jiġu fix-xejn u jintemmu
n-nies li jitqabdu miegħek.
13Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
inwieżnek minn idek il-leminija,
u ngħidlek: “La tibżax,
jiena l-għajnuna tiegħek.”
14Tibżax, Ġakobb, daqsxejn ta’ dudu fl-art,
intom, bnedmin ta’ Iżrael!
Jiena l-għajnuna tiegħek,
oraklu tal-Mulej,
il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael!
15Arani! Jien nagħmel minnek romblu tad-dris ġdid,
jaqta’ u kollu snien.
Int tidres il-muntanji u tfarrakhom,
u l-għoljiet tagħmilhom tlief;
16int idderrihom u r-riħ iġorrhom,
u r-riefnu jxerridhom.
Imbagħad int tifraħ fil-Mulej,
u tiftaħar bil-Qaddis ta’ Iżrael.
17Il-foqra u l-imsejknin
ifittxu l-ilma u ma jsibux!
Ilsienhom niexef bil-għatx.
Jiena, il-Mulej, nismagħhom,
Jiena, Alla ta’ Iżrael, ma ninsihomx.
18Xmajjar ta’ ilma nfawwar fuq l-għoljiet għerja,
u għejun f’nofs il-widien.
Nibdel id-deżert f’għadira ilma,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma.
19Inxettel iċ-ċedri fid-deżert,
il-gazzi, u r-riħan, u s-siġar taż-żebbuġ;
intella’ ċ-ċipress fix-xagħri,
u magħhom id-dolf u l-bux;
20biex hekk jaraw u jagħrfu,
jaħsbu u jifhmu wkoll,
li id il-Mulej għamlet dan,
u l-Qaddis ta’ Iżrael ħalqu.
21“Ressqu l-kawża tagħkom,” jgħid il-Mulej,
“Ġibu l-provi tagħkom,” jgħid is-sultan ta’ Ġakobb.
22Ħa jersqu u jgħarrfuna x’se jiġri;
jgħidulna l-imgħoddi x’kien,
biex aħna naħsbu fuqu.
Jew semmgħuna l-ġejjieni
sabiex nagħrfu t-tmiem.
23Għidulna x’se jiġri fl-aħħar,
u nkunu nafu jekk intomx allat.
Agħmlu xi ħaġa, tajba jew ħażina,
u aħna nistagħġbu u nibżgħu fl-istess waqt.
24M’intom xejn u xogħolkom ħrafa;
mistmerr hu min jaħtarkom.
25Jien qajjimt bniedem mit-Tramuntana u hu ġej;
sejjaħtlu b’ismu minn tlugħ ix-xemx:
u jgħaffeġ il-ħakkiema bħalma jgħaffġu t-tajn,
bħalma l-fuħħari jgħaffeġ it-tafal taħt saqajh.
26Min qatt ħabbar sa mill-bidu,
biex aħna nkunu nafu?
Sa minn qabel, biex ngħidu: ‘Veru’?
Qatt ħadd ma qalu;
qatt ħadd ma semmgħu;
qatt ħadd ma sama’ kliemkom.
27Dan l-ewwel għarraftu lil Sijon;
u ’l Ġerusalemm tajtha ħabbar.
28Jien ħarist, ma kien hemm ħadd;
ħadd minnhom biex jagħti parir,
biex nistaqsihom u jwieġbu kelma.
29Ilkoll kemm huma mhuma xejn,
xogħolhom frugħa,
riħ u baħħ xbihat allathom.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.