1Erġ’ejja, erġ’ejja, Sulamija,
erġ’ejja, erġ’ejja, ħalli nħarsu lejk!
L-għarusXi tridu tħarsu lejn is-Sulamija,
bħal f’żifna ta’ żewġ kori?
2Kemm huma sbieħ riġlejk fis-sandli tiegħek,
bint ta’ prinċep!
Id-dawra ta’ ġenbejk qisha ħannieqa,
xogħol id wieħed tas-sengħa.
3Żokortok tazza tonda,
minn fejn l-inbid imħawwar qatt ma jonqos.
Il-ħodon tiegħek qisu għamra qamħ,
bil-ġilji mdawwar.
4Jixbah lil żewġt ifrieħ taċ-ċerva sidrek,
ulied tewmin t’għażżiela,
5Dak għonqok qisu torri tal-avorju.
Għajnejk donnhom l-għadajjar ta’ Ħesbon,
f’bieb Bat-rabbim.
Torri tal-Libanu nqisu mnieħrek,
li qiegħed għassa jħares lejn Damasku.
6Rasek ’il fuq, xebbahtha lill-Karmel,
xagħar rasek donnu porpra;
sultan baqa’ maqbud fin-nokkli.
7Kemm int sabiħa u kemm tassew int ħelwa,
imħabba fost l-għaxqiet!
8Fis-sura għolja tiegħek qisek palma,
sdierek l-għenieqed tagħha.
9U jien għedt: “Ħa mmur nitla’ mat-tamra,
naqbad mal-friegħi tagħha.
Ħa jkunu sdierek bħal għenieqed l-għeneb,
u riħet nifsek tkun bħal tat-tuffieħ;
10u t-togħma tiegħek bħall-aħjar inbid!”
L-għarusaHu jinżel sewwa lejn il-maħbub tiegħi
filwaqt li jkun iċarċar
fuq ix-xufftejn ta’ dawn li jkunu rieqda.
11Jiena tal-maħbub tiegħi
u xewqtu tiġbdu lejja.
12Maħbub tiegħi, ejja,
nitilqu lejn l-għelieqi!
Inqattgħu l-lejl fl-irħula;
13għada filgħodu nbakkru lejn id-dwieli,
ħalli naraw ħariġx l-inwar tad-dielja,
u jekk fetaħx iż-żahar;
jekk ir-rummien huwiex qed jarmi l-ward.
Imbagħad nagħtik imħabbti.
14Tfewweġ il-mandragora bil-fwieħa tagħha
kull frott mill-aktar bnin għandna fi bwiebna,
ġdid u qadim,
maħbub tiegħi, jiena rfajtu għalik.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.