1Bħas-silġ fis-sajf u x-xita waqt il-ħsad,
hekk il-ġieħ lill-iblah ma jixraqlu xejn.
2Bħal għasfur maħrub, bħal ħuttafa tittajjar,
saħta għal xejn b’xejn ma sseħħx fis-sema.
3Il-frosta għaż-żiemel, ir-riedni għall-ħmar,
u l-ħatar għal dahar il-boloh.
4Tweġibx lill-iblah skont bluhatu,
biex ma tkunx bħalu int ukoll.
5Wieġeb lill-iblah skont bluhatu,
biex ma jaħsibx li hu xi għaref.
6Min jibgħat lill-iblah jagħmillu xi qadja,
ikun qed jaqta’ riġlejh u jixrob l-inkwiet.
7Bħar-riġlejn imdendla ta’ wieħed zopp,
hekk proverbju fuq fomm l-iblah.
8Bħal min jorbot iż-żrar mal-iżbandola,
hekk hu min jagħti ġieħ lill-iblah.
9Bħal xewka f’id wieħed fis-sakra,
hu proverbju fuq fomm l-iblah.
10Bħal min itajjar il-vleġeġ fuq kull min jgħaddi,
min jinqeda bl-iblah u s-sakranazz.
11Bħal kelb li jerġa’ jiekol dak li jaqla’,
hekk l-iblah li jtenni bluhatu.
12Qatt rajt wieħed jidhirlu li hu għaref?
Hemm aktar tama għall-iblah milli għalih.
13L-għażżien jgħid: “Hemm iljun fit-triq!
Hemm iljun f’salib it-toroq!”
14Il-bieb idur fuq iċ-ċappetti,
u l-għażżien jitqalleb fuq friexu.
15L-għażżien idaħħal idu fil-platt,
u qajla jreġġagħha lura lejn ħalqu.
16L-għażżien jidhirlu li hu aktar għaref,
minn sebgħa li jafu jwieġbu sewwa.
17Min jindaħal fi ġlied ħaddieħor,
ikun qed jaqbad kelb minn widnejh.
18Bħal wieħed miġnun li jwaddab
xrar tan-nar u vleġeġ tal-mewt,
19hekk min iqarraq b’ħaddieħor,
imbagħad jgħid: “Dan biex niċċajta.”
20Jekk ma jkunx hemm ħatab, jintefa n-nar,
u jekk ma jkunx hemm min isefsef, jieqaf il-ġlied.
21Bħall-faħam għall-ġamar u l-ħatab għan-nar,
hekk il-ġellied biex ikebbes it-tilwim.
22Kliem is-sefsief bħal ikel bnin,
li jinżel sa qiegħ l-istonku.
23Kisja tal-fidda fuq biċċa tal-fuħħar,
huma x-xufftejn ħelwin ma’ qalb qarrieqa.
24Min jobogħdok jinħeba fi kliemu;
f’qalbu jbejjet il-qerq;
25jekk ikellmek bil-ħlewwa, temmnux;
f’qalbu għandu seba’ saħtiet.
26Bil-qerq jaħbi l-mibegħda tiegħu,
imma ħżunitu tinkixef quddiem il-ġemgħa.
27Min iħaffer ħofra jaqa’ ġo fiha,
min igerbeb blata, tinqaleb fuqu.
28Ilsien giddieb jobgħod is-sewwa,
u fomm imelles iwassal għat-tiġrif.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.