1U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:
2“Mur u għajjat f’widnejn Ġerusalemm, u għidilha:
‘Dan jgħid il-Mulej: ftakart fil-ħlewwa ta’ żgħożitek, fl-imħabba tal-għerusija tiegħek, meta kont tiġri warajja fid-deżert, f’art mhux miżrugħa.
3Iżrael kien ikkonsagrat lill-Mulej, l-ewwel frott tiegħu; dawk kollha li kienu jieklu minnu, kienu jiġbdu fuqhom il-kastig:
il-ħsara kienet taqa’ fuqhom,” oraklu tal-Mulej.
4Isimgħu l-kelma tal-Mulej, dar Ġakobb, u intom il-familji kollha tad-dar ta’ Iżrael.
5Dan jgħid il-Mulej:
“X’nuqqas sabu fija missirijietkom biex tbiegħdu minni,
u mxew wara l-frugħa, u saru huma stess frugħa?
6Ma qalux: ‘Fejn hu l-Mulej
li tellagħna mill-art tal-Eġittu,
li mexxiena fid-deżert,
minn art niexfa u maħruqa,
minn art għatxana u mudlama,
minn art li minnha ħadd ma jgħaddi,
u fiha ma jgħammar ħadd?
7Jien ġibtkom f’art qisha ġnien,
biex tieklu l-frott tagħha
u dduqu l-benna tagħha.
Imma ġejtu u tebbajtuli arti,
waqqajtuli l-wirt tiegħi f’għajb.
8Il-qassisin ma staqsewx: ‘Fejn hu l-Mulej?’
L-għorrief tal-liġi ma għarfunix;
ir-rgħajja dinbu kontrija;
il-profeti ħabbru f’isem Bagħal,
u marru wara ħwejjeġ fiergħa.
9Għaliex inżid nitlewwem magħkom,
oraklu tal-Mulej,
u ma’ wlied uliedkom.
10Baħħru sal-gżejjer ta’ Kittim,
ibagħtu staqsu f’Kedar,
u araw jekk qatt saritx ħaġa bħal din.
11Hemm xi ġens li qatt biddel l-allat tiegħu?
- U dawn mhumiex allat!
Iżda poplu tiegħi bidel il-glorja tiegħu max-xejn!
12Stagħġbu smewwiet b’dan,
tkexkxu fuq li tkexkxu, oraklu tal-Mulej.
13Għax tnejn huma d-dnubiet tal-poplu tiegħi:
telqu lili, l-għajn tal-ilma ġieri,
biex ħaffru bjar għalihom,
bjar miksura li ma jżommux ilma.
14Jaqaw Iżrael xi lsir jew qaddej imwieled fid-dar?
Għaliex, mela, waqa’ priża,
15li għaliha jgargru frieħ l-iljuni,
u jsemmgħu leħenhom?
Artu għamluhielu ħerba,
blietu ħarquhomlu, u sfaw bla nies.
16Saħansitra ulied Nof u Taħfanħes iqaxxrulek rasek.
17Forsi dan ma ġralekx
għax tlaqt lill-Mulej Alla tiegħek,
meta kien qiegħed imexxik fit-triq?
18U issa għalfejn trid tieħu triq l-Eġittu,
biex tixrob l-ilma tan-Nil?
Għalfejn trid taqbad triq l-Assirja,
biex tixrob l-ilma tal-Ewfrat?
19Il-ħażen tiegħek, il-kastig tiegħek;
u ċċanfrek l-infedeltà tiegħek.
Kun af u ara kemm hu ħażin u morr,
li int tlaqt il-Mulej Alla tiegħek;
li ma għandekx aktar twerwir minni,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej tal-eżerċti.
20Ilu żmien issa li int kissirt il-madmad tiegħek,
u ħallejt l-irbit tiegħek,
u għedt: ‘Ma nagħtix qima.’
Għax tassew, fuq kull għolja mdaqqsa, taħt kull siġra ħadra,
inti mteddejt u żnejt,
21għad li kont ħawwiltek bħala dielja tajba,
bħala żarġun mill-aħjar.
Kif inbdiltli f’siġra ħażina, dielja bagħlija?
22U jekk titnaddaf bis-soder u b’ħafna lissija,
quddiemi tibqa’ t-tebgħa ta’ dnubietek,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej.
23Kif tista’ tgħid: ‘Jien ma tħammiġtx,
ma ġrejtx wara l-Bagħalim’?
Ara, il-passi tiegħek fil-wied:
agħraf x’għamilt!
Ġemla ħafifa sserrep triqatha!
24Ħmara selvaġġa mdorrija fid-deżert
b’leblieba fuqha xxomm ir-riħ;
min se jżommha fis-saħna tagħha?
Min ifittixha ma jitħabatx biex isibha:
malajr issibha fix-xahar tagħha!
25Ħares riġlejk mill-ħafa, u griżmejk mill-għatx!
Imm’int tgħid: ‘Ma jimpurtax!
Jien il-barranin inħobb u warajhom irrid immur!”
26Bħalma jirgħex il-ħalliel meta jaqbduh,
hekk għad jiregħxu dar Iżrael:
huma, is-slaten tagħhom u prinċpijiethom,
il-qassisin u l-profeti tagħhom.
27Lil biċċa għuda jgħidulha: ‘Int missieri!’
u lill-ġebla: ‘Int wilidtni!
Għax huma tawni daharhom,
u ma tawnix wiċċhom!
Imma fi żmien hemmhom jgħajtu:
‘Qum u salvana!’
28Fejn huma l-allat li int għamilt?
Ħa jqumu jekk għandhom ħila
jsalvawk fi żmien hemmek!
Għax daqs għadd blietek, allatek, ja Ġuda!
29“Għaliex toħduha miegħi?
Ilkoll qomtu kontrija,
oraklu tal-Mulej.
30Għalxejn jien drabt ’l uliedek,
it-tagħlima ma ħaduhiex;
ix-xabla tagħkom stess qerditilkom il-profeti,
bħalma jeqred l-iljun il-priża.
31Ja nisel li intom, araw il-kelma tal-Mulej.
Jaqaw kont jien xi deżert għal Iżrael?
Jew xi art mgħargħra fid-dlam?
Għax il-poplu tiegħi qalu:
‘Issa ħlisna, għandek aktar ma niġux.’
32Forsi x-xbejba tinsa l-ġawhra tagħha?
jew l-għarusa l-faxxa tagħha?
Imma l-poplu tiegħi nsieni
għal żmien bla qjies.
33Kemm taf issibha triqtek,
int u tfittex l-imħabba?
Saħansitra lin-nisa ħżiena
għandek ħila tgħallem triqtek.
34Sa fil-kefef ta’ lbiesek
jinsab id-demm ta’ nies bla ħtija,
minkejja li ma qbadthomx jisirqu.
35Imbagħad tgħid: ‘Jiena bla ħtija!
Iva, il-korla tiegħu tbiegħdet minni.’
Arani, se nġibek għall-ħaqq,
talli int għedt: ‘Ma dnibtx.’
36Ah! Kemm waqajt fil-baxx
biex biddilt triqtek!
Quddiem l-Eġittu wkoll għad tħammar wiċċek,
bħalma tħammart quddiem l-Assirja!
37Minn hemm ukoll b’idejk fuq rasek
għad terġa’ lura,
għax il-Mulej rema ’l dawk
li fihom qegħedt it-tama tiegħek;
fihom ir-risq ma ssibx.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.