BÀRUK Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebFl-ewwel vers għandna dikjarazzjoni li l-awtur tal-ktieb hu Bàruk, is-segretarju tal-Profeta Ġeremija. Dan hu x’aktarx vers li ġie mdaħħal meta d-diversi kitbiet li jiffurmaw il-ktieb ġew miġbura flimkien ħafna snin wara li nkitbu.Nistgħu nqassmu l-ktieb f’erba’ taqsimiet prinċipali. L-ewwel taqsima hi daħla storika fejn il-kittieb qed jiġbor fil-qosor l-emozzjonijiet li għaddew minnhom Lhud eżiljati f’Babilonja. Talbu li jsiru offerti fit-tempju mingħand poplu niedem li jixtieq jara l-ħniena ta’ Alla (1,1-14). It-taqsima ta’ wara hi deskrizzjoni tal-liturġija penitenzjali li kellha ssir skont il-ktieb mibgħut mal-flus miġbura (1,15—3,8).Imiss innu mqanqal li juri kif fl-għerf ta’ Alla tinsab is-salvazzjoni ta’ Iżrael. Il-poplu jistqarr li għalkemm ra l-id ta’ Alla tmexxih minn rebħa għal oħra, huma xorta waħda tbiegħdu minnu. Il-kmandamenti ta’ Alla kellhom ikunu d-direzzjoni tagħhom (4,5—5,9). L-aħħar taqsima hi ittra li Ġeremija bagħat lil dawk li kienu se jiġu eżiljati, u allura tieħu dimensjoni ta’ omelija profetika (kap 6).Kull taqsima għandha stil letterarju differenti, u jidher li kull waħda nkitbet fi żminijiet differenti. Hu maħsub, għalhekk, li wara snin kien hemm editur li ġabar flimkien id-diversi kitbiet, u dan aktarx li seħħ għall-ħabta tat-tieni seklu QK. Għalkemm il-kitbiet saru oriġinarjament bil-Lhudi, waslu għandna fil-verżjoni Griega fit-traduzzjoni msejħa “tas-Sebgħin”. Il-Lhud u l-insara Protestanti ma jqisux dan il-ktieb bħala ispirat.Minsuġa fil-linji tal-kitba, tinħass it-tama li l-poplu għandu f’Alla li dejjem wera ħniena mal-poplu tiegħu minkejja li dan ċaħdu kemm-il darba.Qum Ġerusalemm, itla’ fl-għoli,u ħares madwarek lejn il-Lvant,ara ’l uliedek miġmugħa,minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’,għall-kelma tal-Qaddis,ferħana li Alla ftakar fihom.Telqu mingħandek bil-mixi,imkarkra mill-għedewwa,u issa Alla se jġibhomlok,merfugħin fil-ġieħ bħalkiekufuq tronijiet is-slaten (5,5-6).It-taqsim tal-ktiebIntroduzzjoni storika (1,1-14)Talba ta’ ndiema u għall-ħelsien (1,15—3,8)Tifħir lill-għerf (3,9—4,4)Sabar u għajnuna lil Ġerusalemm (4,5—5,9)