EŻEKJEL 7 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 7Wasal it-tmiem

1U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

2“Int, o bniedem, dan jgħid Sidi l-Mulej lill-art ta’ Iżrael:

‘Wasal it-tmiem!

Wasal it-tmiem għall-erbat itruf tal-pajjiż!

3Issa li wasal tmiemek,

jien nibgħat fuqek qillti,

u nagħmel ħaqq minnek skont imġibtek

u nwaddab fuqek qżiżijietek kollha.

4Għajnejja ma jitħassrukx;

jien ma nħennx għalik!

Għax inwaddab imġibtek fuqek,

u jinkixfu f’nofsok qżiżijietek,

ħalli tkunu tafu li jien il-Mulej!

5Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Ħsara, ħsara fuq ħsara, waslet!

6Wasal it-tmiem!

Wasal it-tmiem!

Wasal għalik!

Arah wasal!

7Wasal iż-żmien għalik,

għalik li tgħammar fil-pajjiż!

Is-siegħa tiegħek waslet,

qorob il-Jum,

Jum ta’ għagħa,

u mhux ta’ festi fuq l-għoljiet!

8Issa dalwaqt inferragħ qillti fuqek;

għadbi nserraħ fik;

nagħmel ħaqq minnek skont imġibtek,

u nwaddab qżiżijietek kollha fuqek.

9Għajnejja ma jitħassrukx;

u jiena ma nħennx għalik!

Inħallsek skont imġibtek,

u jinkixfu f’nofsok qżiżijietek,

ħalli tkunu tafu li jien il-Mulej li nsawwat.

10Hawn hu l-Jum.

Arah, wasal!

Waslet sigħetek!

Warrdet l-inġustizzja,

irmiet is-suppervja.

11Il-vjolenza kibret u saret ħatar f’id il-ħażin.

Ħadd minnhom ma jifdal,

la l-għana tagħhom, la ġidhom,

la ġieħhom ma jibqa’ fihom!

12Waslet is-siegħa,

qorob il-Jum!

Ix-xerrej ma jifraħx;

il-bejjiegħ ma jsewwidx qalbu,

għax l-għadab imdendel fuq il-kotra kollha!

13Il-bejjiegħ ma jerġax għal dak li jkun biegħ,

anki jekk stess jibqa’ fost il-ħajjin.

Il-korla kontra l-kotra kollha

ma terġax lura;

u minħabba ħżunitu ħadd ma jsalva ħajtu.

Il-ħsara tal-poplu

14“Daqqew it-tromba, tħejja kollox,

imma ħadd ma jmur għall-gwerra.

Għax l-għadab tiegħi fuq il-poplu kollu.

15Ix-xabla barra t-triq,

u l-pesta u l-ġuħ ġewwa d-dar.

Min hu fir-raba’ jmut bix-xabla,

u min hu fil-belt jikkunsmawh il-ġuħ u l-pesta.

16U jekk jaħirbu xi wħud minnhom,

imorru fuq il-muntanji,

ilkoll bħall-ħamiem jokorbu,

kulħadd wieħed għal dnubu.

17Jintelqu d-dirgħajn kollha,

u l-irkupptejn kollha jnixxu l-ilma.

18U jitħażżmu bix-xkejjer,

u jiksihom il-biża’;

il-mistħija fuq kull wiċċ,

u rjushom kollha qargħa.

19Il-fidda jarmuha fit-toroq,

u dehebhom isir bħaż-żibel.

Il-fidda u d-deheb tagħhom ma jeħilsuhomx

f’Jum il-korla tal-Mulej.

Bihom ma jixbgħux griżmejhom,

lanqas timtela żaqqhom,

għax dawn fid-dnub waqqgħuhom.

20Ġmiel il-ġawhar tagħhom serviehom għas-suppervja;

minnhom għamlu x-xbihat moqżieża ta’ allathom.

Għalhekk nagħmilhomlhom żibel,

21u nerħih bi priża f’idejn il-barranin,

u f’idejn il-ħżiena għall-ħatfa, u jniġġsuh.

22U ndawwar wiċċi minnhom,

ħa jniġġsu t-teżor tiegħi,

jidħlu fih il-ħallelin u jipprofanawh,

u jagħmlu minnu l-ktajjen.

Il-profanazzjoni tas-santwarji

23“Għax l-art miżgħuda bil-qtil u d-dmija,

u l-belt mimlija bil-vjolenza.

24Inġib fuqhom ġnus mill-agħar,

ħa jeħdulhom djarhom.

Intemm is-suppervja tas-setgħanin,

u nipprofana s-santwarji tagħhom.

25Jasal fuqhom l-hemm,

u jfittxu s-sliem bla ma jsibu.

26Xnigħat waħda fuq oħra jaslu.

Ifittxu xi viżjoni mill-profeti;

il-liġi mingħand il-qassis tgħib,

il-parir jonqos mingħand ix-xjuħ.

27Is-sultan jagħmel il-vistu,

il-prinċep jilbes in-niket,

u idejn il-poplu tal-pajjiż jitriegħdu.

Jien nagħmlilhom skont imġibthom

u skont il-ġudizzji tagħhom nagħmel ħaqq minnhom.

Ħa jkunu jafu li jien il-Mulej.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help