ĠUDITTA 6 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 6Il-kundanna ta’ Aħjor

1Kif spiċċat l-għagħa tan-nies miġbura madwaru, Oloferne, il-ġeneral kmandant tal-eżerċtu tal-Assiri, dar fuq Aħjor, quddiem dawk in-nies kollha barranin, u quddiem in-nies ta’ Mowab, u qallu:

2“Min int, o Aħjor, u intom il-mixtrija ta’ Efrajm, biex tħabbrilna, kif għamilt illum, u tgħidilna biex ma naħbtux għall-poplu ta’ Iżrael, għax Alla tagħhom ikun tarka għalihom? Min hu Alla, ħlief Nabukodonosor? Hu jibgħat il-forzi tiegħu u jeqridhom minn wiċċ l-art, u anqas Alla tagħhom ma jeħlishom.

5“Int, Aħjor, bniedem mixtri ta’ Għammon, li għedt dan il-kliem f’jum ħażin għalik, mil-lum ’il quddiem ma tarax wiċċi, qabel ma nkun tħallast minn dan il-poplu ġej mill-Eġittu.

6Meta nerġa’ lura, is-sejf tal-eżerċtu tiegħi u l-lanez tal-qaddejja tiegħi jinfdulek ġenbejk, u tiżdied mal-vittmi tagħhom.

7“Il-qaddejja tiegħi se jeħduk fuq il-muntanji u jqegħduk f’waħda mill-ibliet fil-mogħdijiet,

8u ma tmutx qabel ma tkun meqrud magħhom.

9Jekk inti għandek qalbek qawwija li ma jinqabdux, ma għandekx għax taqta’ qalbek. Tkellimt, u ebda kelma ma tmur mar-riħ.”

10Oloferne, imbagħad, ordna lill-qaddejja tiegħu, li kienu jaqduh fit-tinda, jaqbdu lil Aħjor u jeħduh ħdejn Betulja, u jitilquh f’idejn ulied Iżrael.

11Il-qaddejja tiegħu qabduh, ħarġuh mill-kamp għal ġol-wita u mill-wita ħaduh fil-muntanji u ħallewh ħdejn l-għejun taħt Betulja.

12Meta mbagħad rawhom in-nies tal-belt resqin lejn ras l-għolja, qabdu l-armi u ħarġu mill-belt għal fuq il-quċċata tal-għolja. L-irġiel kollha armati bl-iżbandoli bdew iwaddbulhom il-ġebel, u ma ħallewhomx jitilgħu.

13L-Assiri daru għal taħt l-għolja u rabtu lil Aħjor u ħallewh hemm taħt l-għolja, u reġgħu lura għal għand sidhom.

14Imbagħad l-Iżraelin niżlu mill-belt u resqu lejh, ħallewh, daħħluh f’Betulja, u ħaduh quddiem il-kapijiet tal-belt,

15li f’dawk il-jiem kienu Għużżija bin Mika, mit-tribù ta’ Simgħon, Kabrin bin Għotonjel, u Karmi bin Melkijel.

16Sejħu x-xjuħ kollha tal-belt; u ż-żgħażagħ kollha u n-nisa ġrew ilkoll għal-laqgħa. Ġiebu lil Aħjor f’nofs il-poplu kollu tagħhom, u Għużżija staqsieh x’kien ġara.

17Aħjor wieġeb u għarrafhom b’kulma ġara fil-kunsill ta’ Oloferne u b’kulma kien qal hu lill-kapijiet tal-Assiri, u b’kemm tkabbar Oloferne kontra d-dar ta’ Iżrael.

18Imbagħad il-poplu nxteħet wiċċu fl-art quddiem Alla, u beda jgħajjat u jgħid:

19“Mulej Alla tas-smewwiet, ħares lejn is-suppervja tagħhom; u ħenn għall-miżerja tal-poplu tagħna; ixħet ħarsa ta’ ħniena llum fuq dawk li huma kkonsagrati lilek.”

20Imbagħad għamlu l-qalb lil Aħjor u faħħruh ħafna.

21Għużżija ħadu mil-laqgħa għal ġo daru, u għamel festa lix-xjuħ tal-belt, u għaddew dak il-lejl sħiħ isejħu lil Alla u jitolbuh jgħinhom.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help