1Ġeħowas kellu seba’ snin meta sar sultan.2 Kron 24,1-16.
2Kienet is-seba’ sena ta’ Ġeħu meta beda jsaltan Ġeħowas, u dam erbgħin sena jsaltan f’Ġerusalemm; ommu kien jisimha Sibja, minn Birsaba.
3U Ġeħowas għamel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej iż-żmien kollu li kien imexxih Ġeħojada, il-qassis.
4Biss is-santwarji ma warrabhomx, għax il-poplu baqa’ joffri s-sagrifiċċji u l-inċens fis-santwarji.
5U Ġeħowas qal lill-qassisin: “Il-fidda kollha kkonsagrata li jġibu fit-tempju tal-Mulej - il-fidda mit-taxxi personali, il-fidda tar-riskatt, u l-flus li wieħed kien iġib minn rajh f’dar il-Mulej -
6jeħduhom il-qassisin, kull wieħed mingħand min kien jafu, u jsewwu l-ħsara tat-tempju, kull fejn kien hemm xi konsentura.
7Imma ġara li sas-sena tlieta u għoxrin tas-sultan Ġeħowas, il-qassisin kienu għadhom ma sewwewx il-ħsara li kien hemm fit-tempju.
8U s-sultan Ġeħowas sejjaħ lil Ġeħojada, il-qassis, u l-qassisin l-oħra u qalilhom: “Għaliex ma sewwejtux il-ħsara li hemm fit-tempju? Minn issa ’l quddiem teħdux flus mingħand min tafuh, imma għadduh għat-tiswija tal-ħsara fit-tempju.”
9Il-qassisin aċċettaw li ma jeħdux aktar flus mingħand il-poplu, u li ma jsewwux huma l-ħsara tat-tempju.
10Imbagħad Ġeħojada, il-qassis, ħa senduq, taqqablu l-għatu u qiegħdu maġenb l-artal, fuq in-naħa tal-lemin int u dieħel fit-tempju tal-Mulej. U l-qassisin, li kienu jgħassu l-bieb, kienu jixħtu fih il-flus kollha li n-nies kienu jġibu fit-tempju tal-Mulej.
11Kull meta kienu jaraw li kien hemm biżżejjed flus fis-senduq, l-iskriba tas-sultan, u l-qassis il-kbir, kienu jiġu u jiġbruhom, u jgħoddu l-flus li kien hemm f’dar il-Mulej.
12Imbagħad kienu jgħaddu l-flus magħduda f’idejn l-imgħallmin li kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol tat-tempju tal-Mulej; u dawn kienu jħallsu l-ħaddiema tal-injam,
13u l-bennejja li kienu jaħdmu f’dar il-Mulej, il-bennejja tal-ħitan u n-naġġara għax-xiri tal-injam u tal-ġebel għat-tiswija tal-ħsarat fil-ħitan u għall-ispejjeż għal tiswijiet oħra f’dar il-Mulej.
14Imma b’dawn il-flus li nġiebu f’dar il-Mulej, ma għamlux għal dar il-Mulej la lniebi tal-fidda, la mqassijiet, la bwieqi, la trombi, u ebda ħaġa oħra tad-deheb jew tal-fidda;
15kienu jagħtu kollox lill-ħaddiema biex bihom isewwu dar il-Mulej.
16Anqas ma kienu jitolbu l-kontijiet mingħand in-nies li kienu jerħulhom il-flus f’idejhom biex dawn jagħtuhom lill-ħaddiema, għaliex kienu jimxu bis-sewwa.
17Imma l-flus tas-sagrifiċċji tar-riparazzjoni u s-sagrifiċċji tal-purifikazzjoni, ma kinux imorru għat-tempju tal-Mulej, iżda għall-qassisin.
Ħażajel jaħbat għal Ġerusalemm18Ħażajel, sultan ta’ Aram, tala’ biex jaħbat għal Gatt, u rebaħha. Imbagħad għamel il-ħsieb li jitla’ għal Ġerusalemm.2 Slat 8,7-15.
2 Kron 24,23-27.19Imma Ġeħowas, sultan ta’ Ġuda, ħa l-offerti mqaddsa kollha li kienu kkonsagraw missirijietu Ġosafat, Ġeħoram u Aħażija, slaten ta’ Ġuda, u kulma kien ikkonsagra hu stess, u d-deheb kollu li kien hemm fit-teżori tat-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan, u bagħat kollox lil Ħażajel, sultan ta’ Aram, u dan warrab minn Ġerusalemm.
20U l-bqija tal-ġrajja tas-sultan Ġeħowas, u ta’ kulma għamel, kollha jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta’ Ġuda.
21Il-qaddejja tiegħu qamu u għamlu konfoffa, u qatlu lil Ġowas fid-dar ta’ Millu, fin-niżla ta’ Sella.
22Kienu darbuh Ġożakar bin Simgħat u Ġeħożabad bin Somer, il-qaddejja tiegħu; u miet, u difnuh ma’ missirijietu fil-belt ta’ David, u beda jsaltan floku Amasija, ibnu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.