1Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse,
għad tinbet rimja minn għeruqu:
2fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej,
l-ispirtu tal-għerf u d-dehen,
l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa,
l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej,
3u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.
Ma jiġġudikax skont ma jidher fl-għajnejn,
u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’,
4iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja,
u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art.
Isawwat il-kiefra bix-xettru ta’ fommu,
u b’nifs xufftejh joqtol lill-ħażin.
5Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja,
u l-fedeltà l-ħżiem ta’ qaddu.
6Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf,
il-leopard mal-gidi,
u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun,
daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom.
7Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien,
u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu.
L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben.
8It-tarbija tal-ħalib
titliegħeb fil-ħofra tas-serp;
u t-tifel miftum
idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.
9Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara
fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,
għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej
bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.
10Imbagħad jiġri f’dak il-jum
li l-għerq ta’ Ġesse jieqaf
bħala sinjal għall-popli.
Lilu jfittxu l-ġnus,
u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.
11U jiġri f’dak il-jum, il-Mulej jerġa’ jmidd idu,
biex jikseb fdal il-poplu tiegħu, li jkun fadal,
mill-Assirja u mill-Eġittu,
minn Patros u minn Kus,
minn Għelam u minn Singħar,
minn Ħamat u mill-gżejjer tal-baħar.
12U jgħolli sinjal lill-ġnus,
u jiġbor il-mormijin ta’ Iżrael,
u jiġbor l-imxerrdin ta’ Ġuda
mill-erbat itruf tal-art.
13Tintemm l-għira ta’ Efrajm,
u jinqerdu l-għedewwa ta’ Ġuda.
Efrajm ma jgħirx aktar għal Ġuda,
u Ġuda ma jobgħodx lil Efrajm.
14Itiru għal fuq għoljiet il-Filistin lejn il-Punent,
u flimkien jaħtfu lin-nies tal-Lvant.
Fuq Edom u Mowab imiddu idejhom,
u jaħkmu lil ulied Għammon.
15U l-Mulej inixxef ilsien il-baħar tal-Eġittu,
u jxejjer idu fuq ix-xmara bis-sħana tar-riħ tiegħu;
u jofroqha f’seba’ widien,
u jaqsmuha bil-qrieq.
16U jkun hemm mogħdija għal dawk li jifdal mill-poplu tiegħi,
għal dawk li jifdal fl-Assirja,
bħalma kien hemm għal Iżrael,
dakinhar li telgħu mill-art tal-Eġittu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.