1Ħażin għalik, int li tħarbat u għadhom ma ħarbtukx;
int li tqarraq, u għadhom ma qarrqux bik.
Meta ma tħarbatx aktar, iħarbtuk;
meta ma tqarraqx aktar, iqarrqu bik.
2Mulej ħenn għalina, fik nittamaw.
Kun driegħ għalina kull filgħodu,
u s-salvazzjoni tagħna fi żmien it-taħbit.
3Għall-ħsejjes tal-għagħa ħarbu l-ġnus;
mal-qawmien tiegħek xterdu l-popli.
4Inġabret il-priża, bħalma jinġabru l-ġradijiet;
jinxteħtu fuqha bħalma jinxteħet il-ġrad.
5Tgħolla l-Mulej, għax jgħammar fl-għoli;
lil Sijon imlieha bil-ġustizzja u s-sewwa.
6U l-qawwa tiegħek fil-liġi tiegħu;
u s-salvazzjoni tiegħek fl-għerf u s-sapjenza;
il-biża’ ta’ Alla t-teżor tiegħu.
7Ara, in-nies ta’ Arjel jgħajtu minn barra,
il-messaġġiera ta’ Salem jibku bl-imrar.
8It-toroq baħħ,
ħadd ma hemm li jgħaddi l-mogħdijiet.
Kiser il-patt, ix-xhieda stmerrhom,
ma ta kas ta’ ħadd.
9Bil-vistu mifni l-pajjiż,
il-Libanu mħawwad u midbiel,
Saron sar bħad-deżert
u bla weraq Basan u Karmel.
10“Issa nqum!” jgħid il-Mulej,
“Issa nqum fuq qaddi;
issa nogħla ’l fuq.”
11Intom ħbiltu l-ħuxlief,
u issa tildu t-tiben;
nifsi bħan-nar jikolkom.
12U l-ġnus jinħarqu bħal kalkara tal-ġir,
bħal xwiek maqtugħa u mogħtija n-nar.
13Intom li fil-bogħod tinsabu,
isimgħu jien x’għamilt!
Intom li qegħdin fil-qrib,
kunu afu bis-setgħa tiegħi!
14Il-ħatja f’Sijon twerwru,
fuq il-ħżiena waqa’ l-biża’.
Min minna se joqgħod ma’ nar qerriedi?
Min minna se joqgħod ma’ nirien dejjem iħeġġu?
15Min jimxi fis-sewwa u jgħid id-dritt,
min jistmerr il-qligħ miksub bil-qerq,
min iwarrab idejh biex ma jixxaħħamx,
min isodd widnejh biex b’tixrid id-dmija ma jismax,
min jagħlaq għajnejh biex ħażen ma jarax:
16dan jgħammar fl-għoli:
fortizza taż-żonqor il-kenn tiegħu,
il-ħobż tiegħu jsibu,
u l-ilma qatt ma jonqsu.
17Jaraw għajnejk sultan fi ġmielu,
jaraw art mifruxa ’l bogħod.
18Ħsiebek imur fuq it-twerwir li għadda:
“Fejn hu dak li jgħodd?
Fejn hu dak li jiżen?
Fejn hu min jgħodd il-fortizzi?”
19Ma tarax iżjed poplu qalil,
poplu bi lsien tqil li ma tifhmux,
b’ilsien itemtem li ma tfissrux.
20Ħares lejn Sijon, il-belt tal-festi tagħna!
Jaraw għajnejk ’il Ġerusalemm,
dar is-sliem, għarix ma jħarrku ħadd;
il-kunjardi tagħha ma jaqlagħhom ħadd;
il-ħbula tagħha ma jinqatgħu b’xejn.
21Għax hemm għalina jkun il-kobor tal-Mulej,
hemmhekk ix-xmajjar u l-widien wesgħin,
mnejn ebda ġifen bl-imqadef ma jgħaddi,
u lanqas ma jaqsmu xwieni kbar.
22Għax il-Mulej hu l-imħallef tagħna;
il-Mulej il-leġislatur tagħna.
Il-Mulej is-sultan tagħna,
hu li jsalvana.
23Irħew il-ħbula tiegħek,
ma jżommux aktar l-arblu f’postu,
ma jifirxux aktar il-qlugħ.
Imbagħad l-għomja jaqsmu priża kbira,
u z-zopop ikollhom sehem fil-ħatfa.
24U ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid:
“Jien marid.”
Il-poplu li hemm fiha tinħafirlu ħżunitu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.