1Għall-mexxej tal-kor. Salm ta’ David.
O Alla, li jiena nfaħħar, tibqax sieket!
2Għax nies ħżiena u qarrieqa fetħu fommhom kontrija;
tkellmu u gidbu fuqi.
3Bi kliem il-mibegħda dawruni,
għal xejn b’xejn ħaduha kontrija.
4Għad li jien ħabbejthom, huma jixluni;
imma jiena bqajt nitlob.
5Iħallsuni għall-ġid bid-deni,
u għal imħabbti bil-mibegħda.
6Qegħedlu fuqu bniedem ħażin,
ħa jkollu min jixlih fuq lemintu.
7Quddiem il-ħaqq ħa joħroġ ħati,
u t-talba tiegħu titqies bi dnub.
8Ftit ikunu l-jiem ta’ ħajtu,
ħaddieħor jeħodlu xogħlu.
9Ikunu wliedu ltiema,
u martu armla.
10Jiġġerrew u jittallbu wliedu,
jitkeċċew minn djarhom imħarbta.
11Jeħodlu kulma għandu minn silfu,
jaħtaflu l-barrani qligħ xogħlu.
12Ħadd ma juri tjieba miegħu,
ħadd ma jħenn għall-iltiema tiegħu.
13Jinqata’ darba għal dejjem nislu,
f’nisel wieħed jitħassar ismu.
14Titfakkar il-ħtija ta’ missirijietu,
u dnub ommu ma jintesiex:
15ikunu dejjem quddiem il-Mulej,
u tinqered mill-art it-tifkira tiegħu.
16Għax ma ħasibx biex jagħmel il-ħniena,
imma ħabbat l-imsejken u l-fqajjar,
biex joqtol ’il min hu qalbu maqsuma.
17Is-saħta ħabb; u s-saħta tinżel fuqu;
u l-barka li ma ħabbx titbiegħed minnu!
18Hu libes is-saħta bħal libsa;
ħa tidħollu bħall-ilma f’ġismu,
u bħal żejt f’għadmu!
19Tkunlu bħal libsa li tkebbu,
u bħal ħżiem li dejjem iħażżmu.
20Hekk iħallas il-Mulej lil dawk li jixluni,
lil dawk li jgħidu l-ħażin fuqi.
21Imma int, Mulej Sidi, aqbeż għalija f’ġieħ ismek,
eħlisni fil-ħniena u t-tjieba tiegħek.
22Għax jiena msejken u fqajjar,
u qalbi muġugħa ġewwa fija.
23Qiegħed ngħib bħal dell li jgħaddi,
imtajjar qisni ġrad.
24Bis-sawm dgħajfa rkupptejja,
niexef ġismi u magħlub.
25Fuqi waqa’ t-tmaqdir tagħhom,
iħarsu lejja u jħarrku rashom.
26Għinni, Mulej, Alla tiegħi;
salvani fit-tjieba tiegħek.
27Ħa jagħraf li dan hu għemil tiegħek,
li dan, Mulej, int għamiltu.
28Jisħtuni huma, imma int tberikni;
ħa jqumu l-għedewwa u jistħu,
imma jifraħ il-qaddej tiegħek.
29Jitgħattew bit-tmaqdir dawk li jixluni,
jitkebbu bħal b’mantell bil-mistħija.
30Niżżi ħajr ħafna lill-Mulej,
f’ġemgħa kbira ta’ nies infaħħru.
31Għax hu joqgħod fuq il-lemin tal-fqajjar,
biex isalvah minn dawk li jaqtgħuhielu għall-mewt.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.