1Kellu tnax-il sena Manassi meta beda jsaltan, u dam isaltan ħamsa u ħamsin sena f’Ġerusalemm; u ommu kien jisimha Ħefsiba.
4U bena wkoll artali fit-tempju tal-Mulej, minkejja li l-Mulej kien qalilhom: “F’Ġerusalemm inqiegħed ismi.”
5U bena artali lill-eżerċti kollha tas-sema fiż-żewġ btieħi tat-tempju tal-Mulej.
6U għadda lil ibnu min-nar, taha għat-teħbir u s-seħer, u daħħal it-teħbir bil-mejtin u l-qari tal-ġejjieni, u għamel kemm felaħ ħażen f’għajnejn il-Mulej, tant li nkurlah sewwa.Lev 18,21.
7U qiegħed saħansitra xbieha tal-Asera, li kien għamel, fit-tempju, li l-Mulej kien ordna lil David u lil Salamun ibnu: “F’dan it-tempju u f’Ġerusalemm li jien għażilt minn fost it-tribujiet kollha ta’ Iżrael, inqiegħed ismi għal dejjem.2 Sam 7,13; 1 Slat 8,16; 9,3.
8U ma nħallix iżjed li riġel Iżrael jitħarrek mill-art li jien tajt lil missirijiethom; imma dan iseħħ biss jekk iqisu li jħarsu kulma ordnajtilhom skont il-liġi li tahom il-qaddej tiegħi Mosè.”
9Iżda huma ma semgħux, u Manassi ħariġhom mit-triq u ġagħalhom jagħmlu agħar mill-ġnus li Alla kien qered minn quddiem ulied Iżrael.
10U l-Mulej tkellem permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti, u qalilhom:
11“Ladarba Manassi, sultan ta’ Ġuda, għamel dawn il-qżiżijiet, u agħar milli qatt għamlu l-Amurrin, li kien hemm qablu, u talli ġagħal lil Ġuda jidneb b’allatu,1 Slat 21,26; Ġer 15,4.
12dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: ‘Arani, se nġib id-deni fuq Ġerusalemm u Ġuda, u kull min jisma’ biha jibdew itextxu widnejh.
13Immidd fuq Ġerusalemm il-ħabel tas-Samarija, u ċ-ċomb ta’ dar Aħab, u nnaddaf lil Ġerusalemm bħalma tnaddaf platt, tnaddfu u taqilbu wiċċu ’l isfel.Is 34,11; Għam 7,7-9; Lam 2,8.
14U jiena nitlaq il-fdal tal-wirt tiegħi, u nerħihom f’idejn l-għedewwa tagħhom, u huma jkunu priża u ħatfa tal-għedewwa tagħhom kollha.
15Għax huma għamlu l-ħażin f’għajnejja, u kienu jsaħħnuni sa minn meta missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sal-ġurnata tal-lum.”
16U Manassi wkoll xerred kotra kbira ta’ demm bla ħtija, u mela bih lil Ġerusalemm minn tarf sa tarf, minbarra dnubietu li bihom ġagħal lil Ġuda jagħmlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej.
17U l-bqija tal-ġrajja ta’ Manassi, u kulma għamel, u l-ħtijiet tiegħu li għamel, huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta’ Ġuda.2 Kron 33,18-20.
18U strieħ Manassi ma’ missirijietu, u difnuh fil-ġnien ta’ daru, il-ġnien ta’ Għużżija; u daħal isaltan floku Amon ibnu.
Amon sultan ta’ Ġuda19Amon kellu tnejn u għoxrin sena meta beda jsaltan, u saltan sentejn f’Ġerusalemm; ommu kien jisimha Mesullemet bint Ħarus, minn Gotba.2 Kron 33,21-25.
20U għamel il-ħażin f’għajnejn il-Mulej, bħalma kien għamel Manassi, missieru.
21U qabad it-triq kollha li mexa fiha missieru, u kien iqim lill-allat foloz li missieru kien iservi u jqim.
22U telaq lill-Mulej Alla ta’ missirijietu, u ma mexiex fit-triq tal-Mulej.
23U l-qaddejja ta’ Amon ikkonfoffaw kontrih, u qatluh f’daru.
24Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kkonfoffaw kontra s-sultan Amon, u għamlu sultan floku lil Ġosija, ibnu.
25U l-bqija tal-ġrajja ta’ Amon, u ta’ kulma għamel huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta’ Ġuda.
26U difnuh f’qabru fil-ġnien ta’ Għużżija; u daħal isaltan minfloku Ġosija ibnu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.