1L-inbid jagħmlek vjolenti, u x-xorb qawwi storbjuż;
mhuwiex għaqli min jingħata għalihom.
2Għadab is-sultan bħal għajta ta’ ljun;
min jiksirha miegħu, hemm ħajtu fin-nofs.
3Hu ġieħ għal bniedem li jitbiegħed mill-ġlied;
kull min hu iblah jistieden it-tilwim.
4L-għażżien ma jaħdimx ir-raba’ fil-ħarifa;
imbagħad għal xejn ifittex fi żmien il-ħsad.
5Il-ħsieb f’moħħ il-bniedem bħall-ilma f’bir fond;
min moħħu jilħaqlu jaf joħroġhulu.
6Ħafna jiftaħru bi tjubithom;
imma min jista’ jsib wieħed sinċier?
7Hu l-ġust li jimxi bir-reqqa;
henjin uliedu li jiġu warajh!
8Sultan li joqgħod fuq it-tron tal-ħaqq,
ixejjen il-ħażen bil-ħarsa t’għajnejh.
9Min jista’ jgħid: ‘Jien qalbi safja;
jien nadif minn ħtijieti?’
10Użin doppju u kejl doppju,
it-tnejn jobgħodhom il-Mulej.
11Imqar tifel jingħaraf minn għemilu,
jekk hux safi u tajjeb f’imġibtu.
12Il-widna li tisma’ u l-għajn li tara,
it-tnejn il-Mulej għamilhom.
13Tħobbx l-irqad, għax tiftaqar;
iftaħ għajnejk, u jkollok ħobż bix-xaba’.
14Imaqdar biss jaf ix-xerrej,
u jmur jiftaħar b’dak li jkun xtara.
15Hemm id-deheb u ħaġar prezzjuż bil-kotra,
imma kliem l-għerf hu egħżeż minnhom.
16Żommlu lbiesu ’l min jagħmel tajjeb għal ħaddieħor,
żommhomlu b’rahan għal min hu barrani.
17Ħelu l-ħobż maqlugħ bis-serq,
iżda mbagħad jimlielek ħalqek biż-żrar.
18Il-ħsibijiet jirnexxu bil-parir tajjeb,
u agħmel il-gwerra wara ħafna ħsieb.
19Min ipaċpaċ ħafna ma jżommx sigriet;
tagħmilhiex ma’ min ilablab wisq.
20Min jisħet ’il missieru u ’l ommu,
jintfielu d-dawl fl-aqwa tad-dlam.
21Il-ġid miksub bl-għaġla mill-ewwel,
ma jkollux barka fi tmiemu.
22Tgħidx: ‘Ħa rrodd id-deni b’deni’
imma stenna li l-Mulej jeħilsek hu.
23Użin doppju jobogħdu l-Mulej,
miżien falz mhux sewwa quddiemu.
24Il-ħajja tal-bniedem imexxiha l-Mulej;
u kif jista’ l-bniedem jifhem triqtu?
25Jidħol f’xibka min jagħmel wegħda bl-għaġla,
għax imbagħad jerġa’ jibdielu.
26Sultan għaref itajjar il-ħżiena,
u minn fuqhom jgħaddi r-romblu.
27Ir-ruħ fil-bniedem hi dawl il-Mulej,
li jgħarrex il-moħbiet kollha tal-qalb.
28It-tjieba u l-fedeltà jħarsuh lis-sultan,
u bil-ħniena jissaħħaħ it-tron tiegħu.
29Il-foħrija taż-żgħażagħ hi saħħithom,
u l-bjuda ta’ xagħarhom il-ġieħ tax-xjuħ.
30Is-swat li jfieri sewwa jfejjaq il-ħsara,
u d-daqqiet inaddfu sa qiegħ il-qalb.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.