1Hallelujah!
Faħħru l-Mulej mis-smewwiet,
faħħruh fl-ogħla smewwiet!
2Faħħruh, anġli tiegħu kollha,
faħħruh, eżerċti tiegħu kollha!
3Faħħruh, intom xemx u qamar,
faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu!
4Faħħruh, smewwiet l-aktar għolja,
u intom ilmijiet ta’ fuq is-smewwiet!
5Ħa jfaħħru dawn kollha isem il-Mulej:
għax hu kkmanda, u huma nħolqu;
6hu waqqafhom għal dejjem ta’ dejjem;
tahom ordni li qatt ma tgħaddi.
7Faħħru l-Mulej minn fuq l-art,
mostri tal-baħar u abbissi kollha.
8In-nar u s-silġ, il-borra u ċ-ċpar,
l-irwiefen, li jisimgħu kelmtu,
9il-muntanji u l-għoljiet kollha,
is-siġar tal-frott u ċ-ċedri kollha,
10il-bhejjem selvaġġi u l-annimali kollha,
il-bhejjem li jitkaxkru u l-għasafar li jtiru,
11is-slaten tal-art u l-ġnus kollha,
il-kbarat u l-imħallfin kollha tal-art,
12iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll,
ix-xjuħ flimkien mat-tfal:
13ħa jfaħħru isem il-Mulej, għax ismu waħdu l-għoli,
sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!
14Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu;
dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha,
għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu.
Hallelujah!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.