BIN SIRAK 18 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 18Il-kobor ta’ Alla

1Dak li jgħix għal dejjem ħalaq kollu kemm huwa l-univers.

2aIl-Mulej biss hu magħdud b’ġust,

2b u m’hemm ħadd ieħor ħliefu.

3 Irieġi d-dinja fil-keffa ta’ idu,

u kollox joqgħod għar-rieda tiegħu,

għax hu s-sultan ta’ kollox,

u bil-qawwa tiegħu jifred fosthom,

is-sagru mill-profan.

4Ma ta lil ħadd ifisser dak li għamel;

u min se jifhem l-għemejjel kbar tiegħu?

5Il-qawwa kbira tiegħu min jista’ jqisha?

U min se jirrakkonta ħnientu?

6M’hemmx x’wieħed inaqqas u lanqas xi jżid,

u m’hemmx min jifhem għeġubijiet il-Mulej.

7Xħin bniedem jasal fit-tmiem, ikun għadu fil-bidu;

u meta jieqaf, jibqa’ mifxul.Ix-xejn tal-bniedem

8X’inhu l-bniedem u x’inhi l-ħtieġa tiegħu?

X’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin tiegħu?

9Għadd jiem il-bniedem hu kbir jekk ikun ta’ mitt sena.

10Bħal qatra ilma mill-baħar u traba mir-ramel,

hekk huma ftit snin ħdejn il-jum ta’ dejjem.

11Għalhekk jistabar bihom il-Mulej,

u jsawwab fuqhom ħnientu.

12Jara u jagħraf li se jispiċċaw ħażin,

u għalhekk ikattar il-maħfra tiegħu.

13Il-ħniena tal-bniedem hi ma’ ġaru,

imma l-ħniena tal-Mulej hi ma’ kull min hu ħaj;

iċanfar, iħarreġ, u jgħallem,

u jreġġagħhom lura bħal ragħaj il-merħla tiegħu.

14Tiġih ħasra minn dawk li jilqgħu twiddibu,

u minn dawk li jfittxu l-ġudizzji tiegħu.

Kif wieħed għandu jagħti

15Ibni, iċċanfarx inti u tagħmel il-ġid,

u meta tagħti tweġġax b’ilsienek.

16Mhux in-nida ttaffi l-għomma?

Hekk il-kelma hi aqwa mill-għotja.

17Il-kelma mhijiex aħjar minn għotja tajba?

Imma t-tnejn issibhom għand bniedem qalbu tajba.

18L-iblah hu qalbu ħażina u jmaqdar,

u l-għotja ta’ min jagħtik kontra qalbu tweġġagħlek għajnejk.

Irrifletti u aħseb minn qabel

19Tgħallem qabel titkellem,

u ħu ħsieb saħħtek qabel timrad.

20Qabel il-ħaqq stħarreġ sewwa lilek innifsek,

u fis-siegħa taż-żjara ssib il-maħfra.

21Qabel timrad ċekken lilek innifsek,

u meta tonqos uri li jisgħob bik.

22Tintrabatx hekk li ma tkunx tista’ żżomm wegħda f’waqtha,

u tistenniex il-mewt biex teħles minnha.

23Qabel tagħmel wegħda ħejji ruħek,

u tkunx bħal bniedem li jġarrab il-Mulej.

24Ftakar fil-qilla tal-aħħar jum;

u fi żmien il-ħlas, meta Alla jdawwar wiċċu.

25Ftakar fi żmien il-ġuħ meta għandek biex tixba’,

u fil-faqar u n-nuqqas f’jiem il-ġid.

26Iż-żmien għaddej minn filgħodu sa filgħaxija,

u kollox jgħaddi malajr quddiem il-Mulej.

27Bniedem għaqli joqgħod b’seba’ għajnejn f’kollox,

u f’jiem id-dnub jieħu ħsieb li ma jiżbaljax.

28Min għandu s-sens jagħraf l-għerf,

u jrodd tifħir lil min isibu.

29Dawk li jifhmu l-qwiel, huma wkoll isiru għorrief,

u jkunu għajn ta’ proverbji għaqlija.

It-trażżin

30Tħallix xewqatek jiġbduk warajhom,

u rażżanhom il-ġibdiet tiegħek.

31Jekk tintelaq għal kulma tixtieq qalbek,

jiddieħku bik l-għedewwa tiegħek.

32Tixxalax f’ħafna lussu,

li ma tiftaqarx bl-ispejjeż tiegħu.

33Tiddejjinx u tiftaqarx biex tixxala,

meta ma għandek xejn fil-ħorġa.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help