1Minħabba f’hekk tħabbat qalbi,
trid taqbeż barra minn postha.
2Isimgħu sewwa ’l leħnu jriegħed,
it-tkarwit ħiereġ minn fommu.
3Ileħħ taħt is-sema kollu l-beraq tiegħu,
u jilħaq l-art minn tarf għal ieħor.
4Wara dan iddamdam ir-ragħda,
il-leħen tal-kobor tiegħu,
u ħadd ma jiflaħ għall-ħsejjes tagħha.
5Iriegħed Alla b’leħnu tal-għaġeb,
jagħmel ħwejjeġ kbar ma nifhmuhomx.
6Hu jgħid lis-silġ: ‘Inżel fuq l-art’,
u lill-ilma tax-xita: ‘Agħmel bil-qliel’.
7Hu jaqfel ġewwa l-bnedmin kollha
biex jagħraf kulħadd li Hu għamel dan.
8U jidħlu l-bhejjem fl-għerien tagħhom,
joqogħdu għall-kenn fil-bejta tagħhom.
9Mill-kamra tan-Nofsinhar joħroġ ir-riefnu,
u l-ksieħ mir-riħ tat-Tramuntana.
10Bin-nifs ta’ Alla jingħata s-silġ,
u l-firxiet tal-ilma bl-infiħ ta’ mnifsejh.
11Ix-xemx tiegħu tiknes iċ-ċpar,
id-dawwala tiegħu tferrex is-sħab.
12U jdur is-sħab ’l hawn u ’l hemm,
ibiddel ir-rotta skont it-tmexxija tiegħu,
u jagħmel kulma jordnalu
fuq wiċċ id-dinja kollha tiegħu.
13Sew b’kastig, jekk ma jobdix,
sew bi ħniena, li jrid hu jsir.
14Isa, Ġob, agħti widen għal dan,
aħseb fuq l-għeġubijiet ta’ Alla!
15Taf xejn kif Alla jrieġi l-ħlejjaq,
kif iġiegħel tberraq is-sħaba tiegħu?
16Taf int kif iżomm fl-ajru s-sħab,
għaġeb ta’ Dak li għerfu perfett?
17Int, li ħwejġek jisħnu fuqek
xħin taqa’ l-kalma bir-riħ isfel,
18frixtha int miegħu l-ħnejja tas-sema,
iebsa daqs mera tal-bronż imdewweb?
19Għarrafna int x’għandna ngħidulu,
għax aħna fid-dlam u ma nsibux kliem.
20Jista’ bniedem jgħid ’l Alla xħin għandu jitkellem
jew iġagħlu jagħmel xi stqarrija?
21Jiġi ħin li d-dawl ma narawhx,
ikun imdallam mis-sħab oħxon.
Iżda mbagħad jonfoħ riħ li jiknishom,
22u tfiġġ dija tad-deheb mit-Tramuntana,
Alla mdawwar b’sebħu tal-biża’.
23Xaddaj li jista’ kollox aħna ma nilħquhx;
Hu għoli fil-qawwa u l-ħaqq,
Hu sid il-ġustizzja, m’għandux iwieġeb.
24Għalhekk għandu kulħadd jibża’ minnu,
u jagħtih qima kull min hu għaref.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.