1Agħti ġieħ lit-tabib kif jistħoqqlu minħabba li teħtieġu,
għax lilu wkoll ħalaq il-Mulej;
2għax il-fejqan ġej mingħand l-Għoli
u hu jieħu r-rigal mingħand is-sultan.
3Is-sengħa tat-tabib terfagħlu rasu,
u quddiem il-kbarat jistagħġbu bih.
4Il-Mulej ħalaq id-duwa mill-art,
u l-bniedem li għandu s-sens ma jżeblaħhiex.
5Mhux b’zokk l-ilma sar ħelu,
biex hekk tingħaraf ħilet Alla?
6Il-Mulej ta wkoll is-sengħa lill-bnedmin
biex jiftaħru bl-għeġubijiet tiegħu.
7Bihom ifejjaq u jeħles lil min ibati;
bihom l-ispiżjar jagħmel it-taħlita.
8B’hekk xogħol il-Mulej ma jintemm qatt,
u mingħandu hemm is-saħħa fuq wiċċ l-art.
9Ibni, fil-mard tiegħek tħarisx bl-ikrah,
imma itlob lill-Mulej, u hu jfejqek.
10Tbiegħed min-nuqqas tiegħek
u imxi b’subgħek dritt,
u naddaf qalbek minn kull dnub.
11Agħmel l-offerta tfuħ u t-tifkira ta’ dqiq fin,
u fuq l-offerta sawwab żejt kemm tista’.
12U fittex lit-tabib għax lilu wkoll ħalaq il-Mulej,
u tħallihx jitilqek, għax għandek bżonnu.
13Hemm żmien meta l-fejqan qiegħed f’idejhom;
14għax huma wkoll jitolbu l-Mulej,
biex jagħtihom li jserrħu,
li jifhmu l-marda u jfejqu ħalli l-bniedem iżommuh ħaj.
15Min jidneb quddiem min ħalqu,
jaqa’ f’idejn it-tabib!
Il-vistu16Ibni, xerred id-dmugħ fuq mejjet,
u bħal wieħed muġugħ għall-aħħar tniehed.
Idfen il-katavru tiegħu skont ma jistħoqqlu,
u twarrabx fid-difna tiegħu.
17Il-biki tiegħek ikun ta’ mrar u l-għajjat tiegħek ikun imħeġġeġ,
u għamillu l-vistu kif inhu xieraq,
jum wieħed jew tnejn biex ma jgħidux bik,
u mbagħad stabar fl-għali tiegħek.
18Għax mill-għali tista’ tiġi l-mewt,
u s-swied il-qalb jifnilek saħħtek.
19Fl-inkwiet jibqagħlek biss in-niket,
ħajja ta’ inkwiet issewwidlek qalbek.
20Tħallix qalbek timtela bin-niket,
warrbu minnek u ftakar fi tmiem ħajtek.
21Tinsiex, ħadd ma jiġi lura;
lill-mejjet m’int tagħmillu l-ebda ġid,
imma deni lilek innifsek:
22“Ftakar fil-kundanna tiegħi, għax għad tasal tiegħek ukoll,
ilbieraħ jien, u għada int.”
23Kif jistrieħ il-mejjet,
ħalli tistrieħ tifkirtu wkoll,
u int tfarraġ malli tkun ħarġet ruħu.
Il-professjonijiet u s-snajja’24Il-kittieb jikseb l-għerf fil-ħin liberu,
min għandu ftit x’jagħmel jista’ jikseb l-għerf.
25Kif jista’ jsir għaref min jaħdem bil-moħriet,
jew min jiftaħar bil-lasta tan-niggieża?
Min isuq il-gniedes u hu medhi bix-xogħol tagħhom,
u kliemu fuq nisel il-gniedes?
26Għandu għal qalbu li jaħrat raddiet,
u s-sahra tiegħu jgħaddiha jagħlef il-barrin.
27Hekk ukoll kull ħaddiem u mgħallem tas-sengħa,
li jaħdem lejn u nhar;
dawk li jonqxu inċiżjonijiet fuq is-siġilli,
li bis-sabar ifittxu kif se jonqxu xbihat ta’ għamla ġdida:
ħsiebhom li jpittru xi xbieha sabiħa,
u jagħmlu s-sahra biex ilestu xogħolhom.
28Hekk ukoll ħaddied maġenb l-inkwina,
ħsiebu fix-xogħol tal-ħadid;
is-sħana tan-nar tixwilu ġismu,
u jkollu jeħodha mas-sħana tal-forn;
il-ħoss tal-martell itarraxlu widnejh,
u għajnejh ma jaqlagħhomx minn fuq il-mudell,
ħsiebu li jlesti xogħlu,
u jishar biex jorqmu sewwa.
29Hekk ukoll il-fuħħari hu u jaħdem bilqiegħda,
b’saqajh ir-rota jdawwar;
il-ħin kollu mitluf fuq xogħlu,
u kulma jagħmel jagħmlu bil-qjies.
30B’dirgħajh isawwar it-tafal,
u b’saqajh irattbu;
ħsiebu li jtemm il-lostru,
u jishar biex inaddaf il-forn.
31Dawn kollha jinqalgħu b’idejhom
u kull wieħed mgħallem f’senegħtu.
32Mingħajrhom ma tinbeniex belt,
u ma jkunx hemm fejn toqgħod jew fejn iddur.
33Imma ma jfittxuhomx għall-kunsill tal-poplu,
u fil-ġemgħa ma jkunux minn ta’ quddiem;
fuq is-sedja ta’ mħallef ma joqogħdux,
u ma jifhmux kif għandu jsir il-ħaqq.
34Lanqas ma juru tagħlim u ġudizzju,
u ma ssibhomx jitkellmu bil-qwiel,
imma jirfdu d-dinja maħluqa,
u t-talba tagħhom hi għal xogħol sengħethom.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.