ĠOB 13 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 13

1“Iva, dan kollu rawh għajnejja;

semgħuh widnejja u fehmuh sewwa.

2Dak li tafu intom nafu jiena wkoll,

xejn ma jiena inqas minnkom.

3Iżda ma’ Xaddaj ridt kieku nitkellem,

ma’ Alla nixtieq niddiskuti.

4Għax intom qerq tafu tinsġu,

tobba ta’ ħabba lkoll intom.

5Mhux li kontu tisktu għalkollox!

Hekk, iva, turu għerfkom.

6Isimgħu, nitlobkom, l-argument tiegħi,

iftħu widnejkom għad-difiża ta’ fommi.

7Tridu intom titkellmu għal Alla bil-gideb,

taqbżu għalih bit-tagħwiġ?

8U tassew li intom iżżommu miegħu,

u qed tiddefendu l-kawża tiegħu?

9Se tgħadduha lixxa jekk jiġi jgħarbilkom?

Jew tqarrqu bih kif jitqarraq bniedem?

10Oqogħdu żguri li bl-aħrax jeħodkom,

jekk bil-moħbi timxu bil-partit.

11Ma jwerwirkomx forsi l-kobor tiegħu,

u jkexkixkom il-biża’ li jġibilkom?

12Iva, il-qwiel tagħkom huma qwiel tat-trab,

u t-tweġib tagħkom tweġib tat-tafal.

13Isktu, mela, ħalluni ngħid tiegħi,

ħa jiġrili mbagħad li jrid.

14Ħa nieħdu jiena laħmi bejn snieni,

u ħajti nqegħedha f’idejja.

15Ħa joqtolni ’k irid, m’iniex se nitkexkex,

imma niddefendi l-kawża tiegħi quddiemu.

16U dan ikunli r-rahan tar-rebħa,

li wieħed ħażin anqas jersaq quddiemu.

17Isimgħu sewwa x’irrid ngħid,

agħtu widen għall-istqarrija tiegħi.

18Araw, ħejjejt il-kawża tiegħi,

naf li noħroġ ħieles.

19Min hu li se jiġi jmerini?

Kieku niskot u nistenna l-mewt.

20Biss nitlob, O Alla, żewġ favuri,

biex minn quddiemek ma ninħebiex:

21Warrab minn fuqi idek,

u bi driegħek twerwirnix.

22Sejjaħli mbagħad u jiena nwieġeb,

jew nitkellem jien u int weġibni.

23Kemm huma dnubieti u ħtijieti?

Urini fejn dnibt u x’għamilt ħażin?

24Għaliex taħbi wiċċek minni,

u tqisni għadu tiegħek?

25Trid int tbażża’ werqa niexfa,

u tagħmel għal wara sifja?

26Għax ħwejjeġ ta’ mrar tikteb fuq ismi,

u twaħħalni bid-dnubiet ta’ żgħożiti;

27tqegħedli fiċ-ċipp riġlejja,

titkixxef il-passi kollha tiegħi

u tqis il-marki li jħallu saqajja!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help