SALMI 91 - Maltese Bible with DC

Salm 91Taħt il-ħarsien ta’ Alla

1Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli,

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

2għid lill-Mulej:

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

3Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab,

u mill-mard tal-mewt.

4Bir-rix tiegħu jgħattik,

u taħt ġwenħajh tistkenn,

għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu.

5Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl,

anqas minn vleġġa li tittajjar binhar,

6minn pesta li tixtered fid-dlam,

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.

7Elf ruħ jaqgħu maġenbek,

u għaxart elef fuq lemintek.

Imma lejk id-deni ma jersaqx,

għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu.

8Int dan tarah biss b’għajnejk,

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

9Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek,

għamilt l-Għoli għamara tiegħek.

10Ebda deni ma jiġrilek,

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

11Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek,

u jħarsuk fi triqatek kollha.

12Fuq idejhom jerfgħuk,

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

13Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi,

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

14La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

15Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu,

neħilsu u nerfagħlu ġieħu;

16u b’għomor twil nimlieh,

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help