1Tassew boloh minn twelidhom dawk kollha li ma għarfux ’l Alla,
u mill-ħwejjeġ tajba li jidhru
ma waslux biex jagħrfu lil Dak li hu;
lanqas għarfu min għamilhom, huma u jarawhom b’għajnejhom.
2Imbagħad in-nar, ir-riħ, l-arja ħafifa,
id-dawra tal-kwiekeb, il-mewġa qawwija,
id-dawl tas-sema li jmexxi d-dinja: lil dawn ħasbuhom allat.
3Jekk ħasbuhom allat, għax tgħaxxqu bi ġmielhom,
imisshom jifhmu kemm hu aħjar minnhom is-Sid tagħhom.
Għax min ħalaqhom hu l-bidu ta’ kull ġmiel.
4Jekk jistagħġbu bil-qawwa u l-ħidma tagħhom,
imisshom jindunaw minnhom kemm hu aqwa dak li għamilhom.
5Għax fil-kobor u l-ġmiel tal-ħlejjaq
jingħaraf, bħal fi xbieha, Dak li jagħmilhom.
6Imma dawn mhuwiex ta’ min ilumhom wisq;
għandhom mnejn ħarġu mit-triq it-tajba,
huma u jfittxu ’l Alla bix-xewqa li jsibuh.
7Ifittxu bir-reqqa l-għemejjel tiegħu;
iżda tħawdu b’dak li raw fihom, daqs kemm huma sbieħ.
8Imma lanqas dawn m’huma ta’ min jagħdirhom.
9Għax jekk setgħu jagħrfu daqshekk,
u jħaddmu moħħhom fuq il-ħolqien,
kif ma sabux aktar malajr is-Sid tiegħu?
Ix-xejn tal-idoli10Imsieken dawk li t-tama tagħhom hi fi ħwejjeġ mejta,
li jsejħu alla xogħol idejn il-bniedem,
id-deheb u l-fidda, maħduma bis-sengħa, u xbihat ta’ bhejjem,
jew xi ħaġra bla siwi maħduma minn xi ħadd żmien ilu.
11Ikun hemm mastrudaxxa; dan jaqta’ siġra tajba għax-xogħol,
u jneħħilha bir-reqqa l-qoxra tagħha kollha;
imbagħad jaħdimha bis-sengħa tiegħu,
u jagħmel minnha xi ħaġa tajba għall-ħajja ta’ kuljum;
12imbagħad bil-fdal li jibqagħlu minnha,
isajjar iklu, u bih jixba’.
13Xi laqxa oħra tibqa’ li għalxejn ma tkun tiswa,
biċċa għuda mgħawġa u kollha ingroppi,
jaqbadha u joqgħod inaqqaxha biex jgħaddi ż-żmien,
isawwarha bis-sengħa f’ħin il-mistrieħ,
u jagħtiha x-xbieha ta’ bniedem;
14jew iġibha tixbah lil xi bhima bla siwi,
u mbagħad jiżbogħha bin-nogħra,
jgħaddilha fuqha ż-żebgħa ħamra,
u jgħattilha biż-żebgħa kull tebgħa.
15Imbagħad jagħmlilha niċċa kif tixirqilha,
iqegħedha fil-ħajt u jwaħħalha bil-ħadid.
16Jaħsbilha tajjeb biex ma taqax,
billi jaf li ma tistax tgħin ruħha,
għax, tassew, hi biss xbieha li trid min jgħinha.
17Imma lilha jitlob għal ħwejġu, għaż-żwieġ tiegħu u għal uliedu;
mank jistħi jitkellem ma’ ħaġa bla ruħ.
Għas-saħħa jsejjaħ ħaġa bla saħħa;
18għall-ħajja jitlob quddiem ħaġa mejta;
għall-għajnuna jokrob quddiem ħaġa bla ebda ħila;
għall-vjaġġ tajjeb jitlob lil min ma jafx iħarrek riġlu;
19għall-qligħ u għar-riżq ta’ xogħol idejh,
jitlob l-għajnuna ta’ ħaġa b’idejn ma jiswew għal xejn.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.