BIN SIRAK 14 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 14L-hena veru

1Imbierek il-bniedem li ma jiżbaljax bi kliemu,

u li ma jħossx il-kuxjenza tniggżu ta’ xi dnub.

2Imbierek min il-kuxjenza tiegħu ma ċċanfrux,

u min ma tilifx it-tama tiegħu.L-għira u r-regħba

3Raġel xħiħ ma jixraqlux l-għana,

u x’iservih il-ġid lil bniedem għajjur?

4Min joqgħod nieqes biex jiġma’, jiġma’ għal ħaddieħor,

u l-ġid tiegħu jgawduh oħrajn.

5Min hu rgħib miegħu nnifsu,

ma’ min se jġib ruħu tajjeb?

Ġidu ma jafx igawdih.

6M’hemmx agħar mir-rgħib miegħu nnifsu,

dan hu l-ħlas tal-ħażen tiegħu.

7Jekk jagħmel xi ħaġa tajba, ma jkollux f’moħħu li jagħmilha,

u fl-aħħar jikxef il-ħażen tiegħu.

8Ħażin min iħares b’għajn għajjura,

idawwar wiċċu u ma jagħtix kas tan-nies.

9Għajn ir-rgħib ma tikkuntentax b’sehemha;

l-inġustizzja u l-ħażen inixxfu r-ruħ.

10Ix-xħiħ iħares bl-għira lejn il-ħobż,

u l-mejda tiegħu hi bin-nieqes.

11Ibni, ġib ruħek tajjeb miegħek innifsek, skont kemm għandek mnejn,

u agħmel lill-Mulej offerti xierqa.

12Ftakar li l-mewt tiġi bla ma titlef żmien,

u l-patt mal-mewt ħadd m’għarrafhulek.

13Qabel tmut agħmel il-ġid ma’ ħabib,

u oħroġ idek, u agħtih skont ma tiflaħ.

14Tiċċaħħadx minn ġurnata tajba,

u s-sehem tajjeb li tixtieq tħallihx jaħrablek.

15Jaqaw ma tħallix għal ħaddieħor dak li qlajt b’xogħlok,

u l-frott tax-xogħol tiegħek biex jitqassam bix-xorti?

16Agħti u ħu, u derri,

għax fl-imwiet ma tistax tfittex il-pjaċir.

17Kull min għandu l-ħajja jeqdiem bħal libsa,

għax marbut minn dejjem bid-digriet: ‘Żgur li tmut’.

18Bħal weraq jikbru fuq siġra kollha ħdura

li twaqqa’ xi wħud u ttalla’ oħrajn,

hekk nisel id-demm u l-laħam:

wieħed imut u ieħor jitwieled.

19Kull biċċa xogħol titmermer u tgħib,

u min jagħmilha jmur magħha.L-hena tal-għerf

20Imbierek il-bniedem li ħsiebu fl-għerf,

u jitkellem bl-għaqal.

21B’moħħu jifli triqatu

u jikkunsidra l-ħwejjeġ mistura tiegħu.

22Joħroġ warajh bħal kaċċatur,

u joqgħodlu għassa fi triqatu.

23Jittawwal ġewwa mit-twieqi tiegħu,

u jissemmagħlu mal-bibien tiegħu.

24Imur joqgħod ħdejn id-dar tiegħu,

u jsammar il-kunjard mal-ħajt tiegħu.

25Maġenbu jtella’ t-tinda tiegħu,

u jgħammar fejn isib it-tajjeb.

26Iqiegħed lil uliedu għall-kenn tiegħu,

u jgħammar taħt il-friegħi tiegħu.

27Taħtu jistkenn mis-sħana,

u jmur joqgħod fil-glorja tiegħu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help