1Għall-mexxej tal-kor. Salm ta’ David.
2Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
3Minn bir waħxi tellagħni,
minn qalb il-ħama u t-tajn;
fuq il-blat qegħedli riġlejja,
u saħħaħli l-mixi tiegħi.
4Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.
Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu,
u jittamaw fil-Mulej.
5Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu,
u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.
6Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi;
tal-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina;
ħadd ma jħabbatha miegħek!
Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem;
iżda huma ħafna biex insemmihom.
7Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
8Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej.
Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
9li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.”
10Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu.
11Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek;
il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;
ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek lill-ġemgħa kbira.
12Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek;
it-tjieba u l-fedeltà tiegħek iħarsuni għal dejjem!
13Għax għalquni minn kull naħa ħsarat li ma jingħaddux;
ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara;
huma aktar mix-xagħar ta’ rasi;
għandi qalbi maqtugħa.
14Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni;
Mulej, fittex għinni.
15Ħa jistħu u jinfixlu lkoll flimkien
dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.
Ħa jerġgħu lura mħawda
dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.
16Jitbellhu bil-mistħija tagħhom
dawk li jiddieħku bija.
17Jithennew u jifirħu bik
dawk kollha li jfittxuk;
jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej!”
dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.
18Imma jien, fqajjar u msejken,
għandi ’l Sidi jaħseb fija.
Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;
iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.