1Jinfirex minn tarf sa tarf tal-art bil-qawwa,
u jmexxi kollox bil-ħlewwa.
2L-għerf jien ħabbejtu, u fittixtu sa minn żgħożiti;
u fittixt nidħol f’għerusija miegħu,
u tgħaxxaqt bi ġmielu.
3U n-nobbiltà tiegħu tidher fl-għaqda tiegħu ma’ Alla,
u għax lilu jħobb is-Sid ta’ kollox.
4Hu midħla tal-għerf ta’ Alla,
u hu li jagħżel l-opri tiegħu.
5Jekk il-bniedem ifittex il-ġid f’din il-ħajja,
x’hemm aktar għani minnu, li bih jinkiseb kollox?
6U jekk wieħed irid jikseb is-sengħa,
min hu mgħallem aktar minnu fost il-ħlejjaq?
7U jekk xi ħadd iħobb is-sewwa,
it-taħbit tiegħu hu virtù.
Għax hu mgħallem tal-qjies u tal-għaqal,
tal-ġustizzja u tal-qawwa.
Xejn fil-ħajja ma hemm aqwa minn dawn għall-bniedem.
8U jekk wieħed jixxennaq għal esperjenza kbira,
l-għerf jaf l-imgħoddi u jintebaħ bil-ġejjieni.
Jifhem fis-sengħa tad-diskors,
u għandu l-ħila jħoll l-enimmi,
jagħraf is-sinjali u l-għeġubijiet,
u xi jġibu magħhom l-istaġuni u ż-żminijiet.
9Għalhekk qtajtha li nieħdu jgħix miegħi
għax għaraft li hu jkun mexxej tiegħi fil-ġid
u faraġ fl-inkwiet u fl-hemm.
10Bih inkun imsebbaħ fil-ġemgħat tan-nies,
u mweġġaħ mix-xjuħ, għalkemm jien żagħżugħ.
11Bir-reqqa nimxi, meta naqta’ l-ħaqq,
u, xħin jarawni, il-kbarat jistagħġbu.
12Jekk nieqaf nitkellem, jistennewni,
u, xħin niftaħ fommi, jisimgħuni bil-ħerqa;
u jekk indum nitkellem,
joqogħdu jisimgħuni b’idhom fuq fommhom.
13Minħabba fl-għerf nikseb ħajja bla tmiem,
u nħalli lil ta’ wrajja tifkira għal dejjem.
14Naħkem fuq popli u ġnus ikolli taħti.
15Slaten tal-biża’ jibżgħu, kif jisimgħu bija;
twajjeb inkun qalb ġemgħa nies u qalbieni fit-taqbida.
16Malli nidħol f’dari, ħdejn l-għerf nistrieħ;
ma ssibx imrar, int u qiegħed maġenbu;
ma jġiblekx dwejjaq tagħmilha miegħu,
iżda biss ferħ u hena.
17Jien u naħseb dan ġo fija,
u ntella’ u nniżżel ġewwa qalbi,
li fir-rabta mal-għerf hemm ħajja bla tmiem,
18u hena safi fil-ħbiberija miegħu;
li bix-xogħol ta’ jdejh ma jaqta’ qatt l-għana,
li titgħallem mingħandu jagħtik l-għaqal,
u tissieħeb fi kliemu isem ta’ ġieħ,
mort infittex kif se nġibu jgħix miegħi.
19Jien kont tifel xortija tajba,
u lili messet ruħ mill-isbaħ;
20jew aħjar, billi kont tajjeb,
jien dħalt f’ġisem bla tebgħa.
21Billi għaraft li ma stajtx nikseb l-għerf,
jekk ma jagħtihulix Alla
- u dan kien ukoll għaqal li tagħraf ta’ min hu d-don -
mort quddiem il-Mulej u tlabtu bil-ħerqa,
u għedtlu mill-fond ta’ qalbi:
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.