ĠEREMIJA Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC

Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebIl-Mulej sejjaħ lil Ġeremija għall-missjoni tiegħu ta’ profeta f’nofs il-poplu ta’ Ġuda, meta Ġeremija kien għadu ta’ età żgħira ħafna, forsi ta’ inqas minn 20 sena. Kienu żminijiet imqallba ħafna fejn imperi ġodda kienu qed jeqirdu u jaħkmu lil dawk qodma.Ġeremija spiss kien iħabbar li Ġuda wkoll kellha taqa’ f’idejn il-Babiloniżi, iżda l-kbarat u l-poplu ma ridux jisimgħu dawn l-aħbarijiet koroh. Kien iwassal il-messaġġ li l-poplu ta’ Ġuda kellu jċedi għall-Babiloniżi, u minħabba f’hekk kien beda jitqies bħala traditur.Għadda mill-esperjenza li wħud riedu jitfgħuh il-ħabs u anke joqtluh. Ġeremija kien igerger ma’ Alla fuq il-problemi kbar li x-xandir tal-kelma kien qed jikkawżalu f’ħajtu. Kien xeba’ jiġi mkasbar fl-istess waqt ma setax jieqaf minn ħidmietu għax kien iħossha forza aqwa minnu. Is-siltiet dwar it-tgemgim ta’ Ġeremija huma magħrufa bħala “l-istqarrijiet” (11,18-23; 12,1-6; 17,14-18…).Meta fis-sena 587 QK il-Babiloniżi invadew l-art ta’ Ġuda u qerdu ’l Ġerusalemm, uħud mill-poplu ġarrew lil Ġeremija magħhom lejn l-Eġittu, u hekk baqa’ jwassal il-messaġġi ta’ Alla hemmhekk ukoll.Ħafna mill-messaġġi ta’ Ġeremija għandhom fihom id-data meta tħabbru. Ħafna drabi, dan il-profeta ħabbar il-kelma ta’ Alla billi rreċta dak li kien qed iħabbar. Meta aktar tard, sieħbu Bàruk fittex li jgħinu jiġbor id-diskorsi tiegħu fi ktieb, ma nżammitx is-sekwenza tad-dati; aktarx li l-poeżiji huma miġbura skont temi.Ġeremija kien ta’ spiss ifakkar lill-poplu ta’ Ġuda li kienu kisru l-patt tagħhom ma’ Alla ta’ missirijiethom, u l-konsegwenza kienet se tkun il-kastig fl-esperjenza tal-eżilju fil-Babilonja. Imma flimkien mat-twissijiet kien hemm ukoll messaġġ ta’ tama li Alla għad ireġġa’ lura lill-poplu lejn artu u jagħmel miegħu rabta ġdida.Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: “Agħraf il-Mulej”, għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx (31,33-34).It-taqsim tal-ktiebIs-sejħa ta’ Ġeremija (1,1-19)Profeziji taħt erba’ slaten (2,1—25,38)Ġrajjiet fil-ħajja ta’ Ġeremija (26,1—45,5)Profeziji kontra l-ġnus (46,1—51,64)Il-waqgħa ta’ Ġerusalemm (52,1-34)
Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help