SALMI 25 - Maltese Bible with DC

Salm 25Talba għall-għajnuna u l-maħfra

1Ta’ David.

Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej, Alla tiegħi.

2Fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad;

ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija.

3Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad;

jitħawwad min malajr jonqsok mill-kelma.

4Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

5Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalik nixxennaq il-jum kollu.

6Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

7Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta’ żgħożiti:

inti tajjeb, Mulej; ftakar fija skont it-tjieba tiegħek.

8Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

9Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

10Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà

għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.

11Minħabba l-isem tiegħek, Mulej,

aħfirli ħżuniti, kbira kemm hi kbira.

12Min hu dak li għandu l-biża’ tal-Mulej?

Lilu hu juri t-triq li għandu jagħżel.

13Fil-ġid hu jgħammar,

uliedu jiksbu l-art.

14Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,

lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.

15Għajnejja dejjem fil-Mulej,

għax hu mix-xbiek jaqlagħli riġlejja.

16Dur lejja u kun twajjeb miegħi,

għax jiena fqajjar u waħdi.

17Serraħli qalbi mid-dwejjaq,

min-niket tiegħi eħlisni.

18Ara n-niket u d-diqa tiegħi,

u aħfirli ħtijieti kollha.

19Ara kemm kotru l-għedewwa tiegħi,

x’mibegħda qawwija għandhom għalija.

20Ħarisli ħajti u eħlisni;

la nistkenn fik, m’għandix għax ninfixel.

21Is-sewwa u d-dritt iħarsuni,

għax jien fik ittamajt.

22Eħles, o Alla, lil Iżrael,

mid-dwejjaq tiegħu kollha!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help