DANJEL BIL-GRIEG 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4

1Jien, Nabukodonosor, kont waħdi f’dari kuntent u sejjer tajjeb fil-palazz tiegħi.

2U rajt ħolma li werwritni; fuq friexi, il-ħsibijiet u d-dehriet ta’ moħħi beżżgħuni.

3U ħriġt digriet biex jinġiebu quddiemi l-għorrief kollha ta’ Babilonja ħalli jgħarrfuni bit-tifsira tal-ħolma.

4Imbagħad ġew il-maġi, il-bassara, il-Kaldin u l-astroloġi u jien għedtilhom il-ħolma, imma t-tifsira tagħha m’għarfux jagħtuhieli.

5Sa fl-aħħar ġie quddiemi Danjel li jismu Beltesassar, bħalma jismu l-alla tiegħi; Danjel għandu fih l-ispirtu tal-allat qaddisa; u jien għedtlu l-ħolma:

8U s-siġra kibret u ssaħħet,

l-għoli tagħha laħaq sas-sema,

u kienet tidher mit-trufijiet kollha tal-art;

9il-weraq tagħha kien sabiħ, u kellha fiha ħafna frott,

hekk li kien fiha biex jiekol minnha kulħadd.

Il-bhejjem tar-raba’ kienu jistkennu għad-dell tagħha,

u l-għasafar tas-sema jgħammru fil-friegħi tagħha,

u l-ħlejjaq kollha kienu jieħdu l-għajxien tagħhom minnha.

10Jiena u nħares fid-dehriet ta’ moħħi fuq friexi, ara mis-sema niżel wieħed għassies u qaddis,

11li għajjat b’leħen qawwi u qal hekk:

‘Qaċċtu s-siġra u aqtgħu l-friegħi tagħha,

farfru l-friegħi u xerrdu l-frott tagħha,

ħalli l-bhejjem jaħarbu minn taħtha

u l-għasafar mill-friegħi tagħha.

12Imma l-fdal li jibqa’ miz-zokk ta’ għeruqha ħalluh fl-art,

miżmum b’ċirku tal-ħadid u l-bronż

qalb il-ħaxix tari tar-raba’,

ħalli jixxarrab bin-nida tas-sema

u jaqsam mal-bhejjem mill-ħaxix tal-art.

13Qalbu ma tibqax bħal tal-bnedmin,

imma tingħatalu qalb ta’ bhima,

u jgħaddu minn għalih seba’ żminijiet!

14Din is-sentenza ngħatat b’digriet tal-għassiesa,

il-kustjoni nqatgħet b’ordni tal-qaddisin,

sabiex il-ħajjin ikunu jafu

li l-Għoli jaħkem fuq is-saltna tal-bnedmin,

u li hu jagħtiha lil min jogħġbu u

jqiegħed fuqha l-iċken fost il-bnedmin.’

15Din hi l-ħolma li jien, is-sultan Nabukodonosor, rajt. U int, Beltesassar, fissirhieli, għax l-għorrief kollha tas-saltna tiegħi m’għandhomx ħila juruni t-tifsira tagħha; imma inti iva, għax int għandek fik l-ispirtu tal-allat qaddisa.”

Danjel ifisser il-ħolma

16Imbagħad Danjel, li kien jismu Beltesassar, baqa’ għal waqt wieħed mistagħġeb, u tħawwad fi ħsibijietu. Is-sultan qabad u qallu: “Beltesassar, il-ħolma u t-tifsira tagħha tħallihomx iħawduk.” Wieġeb Beltesassar u qallu: “Sidi, il-ħolma għal dawk li jobogħduk, u t-tifsira tagħha għall-għedewwa tiegħek!

17Is-siġra li int rajt, li kibret u ssaħħet, u għoliet sas-sema hekk li setgħet tidher minn kullimkien fuq l-art;

18li l-weraq tagħha kien sabiħ u l-frott tagħha kotran; li fiha kellha biex jiekol kulħadd, u taħtha nġabru l-bhejjem tar-raba’; u fil-friegħi tagħha sabu l-kenn l-għasafar tas-sema,

19dik is-siġra hija int, sultan, li kbirt u ssaħħaħt, u l-kobor tiegħek tkattar u laħaq is-sema u saltnatek infirxet sa truf l-art.

20“Issa s-sultan ra għassies - u dan kien qaddis - nieżel mis-sema u jgħid: Qaċċtu s-siġra u eqirduha, imma l-fdal li jibqa’ miz-zokk ta’ għeruqha ħalluh fl-art, miżmum b’ċirku tal-ħadid u l-bronż, qalb il-ħaxix tari tar-raba’, ħalli jixxarrab bin-nida tas-sema u jkollu sehmu mal-bhejjem tar-raba’, sa ma jgħaddu seba’ żminijiet.’

21It-tifsira ta’ dan kollu hija din, sultan: hu digriet tal-Għoli għal sidi s-sultan.

22Lilek għad ikeċċuk minn fost il-bnedmin, u l-għamara tiegħek tkun mal-bhejjem tar-raba’; jitimgħuk ħxejjex bħall-barrin; u jħalluk tixxarrab bin-nida tas-sema; seba’ żminijiet jgħaddu minn fuqek, sa ma tagħraf li l-Għoli jaħkem fuq is-saltna tal-bnedmin u li hu jagħtiha lil min jogħġbu., u minn ħżunitek, billi tħenn għall-imsejknin; żgur jitwal għalik żmien ir-risq.”Il-ħolma sseħħ

25Dan kollu seħħ fuq is-sultan Nabukodonosor.

26Tnax-il xahar wara, kien qiegħed jippassiġġa fuq il-bejt tal-palazz tas-Saltna ta’ Babilonja.

27U s-sultan qabad u qal: “Hijiex din Babilonja l-kbira li jien, bil-qawwa ta’ setegħti, bnejt bħala għamara ta’ sultan għal sebħ ġieħi?”

28Il-kelma kienet għadha f’fomm is-sultan meta nstema’ leħen mis-sema: “Seħħ dak li qalu fuqek, sultan Nabukodonosor: is-saltna ħallietek.

29U lilek se jkeċċuk minn fost il-bnedmin, u mal-bhejjem tar-raba’ tkun l-għamara tiegħek; jitimgħuk ħxejjex bħall-barrin; u seba’ żminijiet jgħaddu minn fuqek, sa ma tagħraf li l-Għoli jaħkem fuq is-saltna tal-bnedmin, u li hu jagħtiha lil min jogħġbu.”

30Minnufih il-kelma seħħet fuq Nabukodonosor; tkeċċa minn fost in-nies; kien jiekol il-ħaxix bħall-barrin, u ġismu baqa’ jixxarrab bin-nida tas-sema sa ma xuxtu kibret qisha rix ta’ ajkla u dufrejh sarulu qishom tat-tajr.

31“Meta għadda ż-żmien, jien, Nabukodonosor, erfajt għajnejja lejn is-sema u għaqli raġa’ ġie fija; berikt lill-Għoli, u sebbaħt u tajt ġieħ lil

Dak li hu għal dejjem,

għax setegħtu setgħa għal dejjem,

u saltnatu minn nisel għal nisel;

32dawk kollha li jgħammru fuq l-art huma meqjusa bħax-xejn,

u li jrid hu jagħmel bl-eżerċtu tas-sema

u b’dawk li jgħammru fuq l-art,

u ħadd ma hemm li se jżommlu idu

u jgħidlu, ‘X’qiegħed tagħmel?’

33“Minnufih għaqli raġa’ ġie fija, u għall-glorja ta’ saltnati raġa’ ġieni l-ġieħ u s-sebħ tiegħi; il-kunsillieri u l-kbarat tiegħi fittxewni, tqegħidt fis-saltna tiegħi, u żdiedli kobor liema bħalu.

34Issa jien, Nabukodonosor, infaħħar u ngħolli u nsebbaħ lis-Sultan tas-Sema, għax l-għemejjel tiegħu kollha sewwa u triqatu huma ġusti, u hu għandu s-setgħa jbaxxi ’l dawk li jimxu mkabbra.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help