SALMI 45 - Maltese Bible with DC

Salm 45Għanja għat-tieġ tal-Messija-Sultan

1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “Il-Ġilji”. Ta’ wlied Koraħ. Maskil. Għanja ta’ mħabba.

2Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ;

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan;

ilsieni pinna ta’ kittieb ħafif.

3Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin,

imsawba l-ħlewwa fuq xufftejk;

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

4Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek;

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

5Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq;

turik lemintek ħwejjeġ tal-għaġeb!

6Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, taħtek jaqgħu l-popli;

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

7It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem;

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!

8Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen;

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

b’żejt il-hena aktar minn sħabek.

9Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja, kollha fwieħa lbiesek.

Mill-palazzi tal-avorju jferrħek id-daqq tal-kordi.

10Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk;

f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

11Isma’, binti, ħares u agħti widen,

insa ’l ġensek u ’l dar missierek.

12Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek;

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

13In-nies ta’ Tir bir-rigali jiġu,

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

14Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar,

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

15Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha,

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

16Jittieħdu b’għajjat ta’ ferħ u hena;

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

17Flok missirijietek jilħqu wliedek;

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

18Infakkar ismek minn nisel għal nisel;

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta’ dejjem!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help