1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “La teqridx”. Miktam. Ta’ David meta ħarab minn quddiem Sawl u nħeba fl-għar.
2Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija,
għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;
għad-dell ta’ ġwenħajk nistkenn,
sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.
3Insejjaħ lil Alla l-Għoli,
lil Alla, li jieħu ħsiebi.
4Jibgħat mis-sema u jsalvani;
jitfa’ l-għajb fuq min jgħaffiġni;
jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu.
5Ninsab mimdud qalb l-iljuni,
li jaħtfu lill-bnedmin;
snienhom lanez u vleġeġ,
u lsienhom sejf misnun.
6Ogħla ’l fuq mis-smewwiet, o Alla!
Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!
7Xibka ħejjewli fil-mogħdija;
għal ftit ma waqajtx fiha.
Ħofra ħaffruli quddiemi,
iżda huma waqgħu fiha.
8Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi;
ħa ngħanni u ninseġ għanja:
9“Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra!
Ħa nqajjem sbieħ il-jum!”
10Infaħħrek, Sidi, fost il-popli,
ngħannilek fost il-ġnus;
11għax m’ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek,
sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
12Ogħla ’l fuq mis-smewwiet, o Alla!
Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.