ĠENESI 30 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 30Ulied Żilfa u Bilħa

1U Rakel rat li ma wilditx tfal lil Ġakobb, u bdiet tgħir għal oħtha. U qalet lil Ġakobb: “Agħtini t-tfal, għax se mmut.”

2U xegħel Ġakobb bl-għadab għal Rakel u qalilha: “Jaqaw jien flok Alla, li ċaħħdek minn frott il-ġuf?”

3U hi wieġbet: “Ara, hemm il-qaddejja tiegħi Bilħa, ersaq lejha, biex tiled fuq ħoġri, u jkolli t-tfal minnha jien ukoll.” ġġelidt ma’ oħti, u rbaħt.” U għalhekk semmietu Naftali.

9U Lija rat li waqfet mit-twelid u qabdet lil Żilfa, il-qaddejja tagħha, u tatha lil Ġakobb b’martu.

10U Żilfa, il-qaddejja ta’ Lija, wildet tifel lil Ġakobb.

11U Lija qalet: “B’xortija.” U semmietu Gad.

12U Żilfa, il-qaddejja ta’ Lija, wildet għat-tieni darba lil Ġakobb.

13U Lija qalet: “Ferħana issa! Għax in-nisa jifirħuli.” U semmietu Aser.

14U Ruben, fi żmien il-ħsad tal-qamħ, mar fir-raba’ u sab xi mandragoli, u ħadhom lil ommu Lija. U Rakel qalet lil Lija: “Agħtini mill-mandragoli ta’ ibnek.”

15U hi qaltilha: “Mhux biżżejjed li ħadtli ’l żewġi, trid issa teħodli wkoll il-mandragoli ta’ ibni?” U Rakel wieġbet: “Mela llejla jista’ jorqod miegħek bi ħlas għall-mandragoli tiegħek.”

16U Ġakobb, hu u ġej lura mir-raba’, marret tilqgħu Lija u qaltlu: “Ersaq lejja, għax xtrajtek bil-mandragoli ta’ ibni.” U dak il-lejl raqad magħha.

17U Alla sama’ lil Lija, u hi tqalet u wildet għall-ħames darba tifel lil Ġakobb.

18U Lija qalet: “Alla ħallasni talli tajt il-qaddejja tiegħi lil żewġi.” U semmietu Issakar.

19U Lija reġgħet tqalet u wildet tifel għas-sitt darba lil Ġakobb.

20U Lija qalet: “Alla tani dota tajba, issa żewġi jibqa’ miegħi għax wellidtlu sitt subien.” U semmietu Żebulun.

21Imbagħad wildet tifla, u semmietha Dina.

22U Alla ftakar f’Rakel u semagħha u fetħilha ġufha.

23U tqalet u wildet tifel, u qalet: “Neħħieli għajbi minn fuqi Alla!”Lq 1,25.

24U semmietu Ġużeppi, għax qalet: “Jalla l-Mulej iżidli tifel ieħor.”

Ġakobb jilgħab lil Laban

25Meta Rakel wildet lil Ġużeppi, Ġakobb qal lil Laban: “Ħallini mmur lejn pajjiżi u lejn arti.

26Agħtini n-nisa tiegħi u lil uliedi, għax jien ħdimtlek għalihom, u nitlaq. Għax int taf bix-xogħol li ħdimtlek.”

27U Laban qallu: “Jekk jien sibt għajn tajba fik, bit-teħbir indunajt li l-Mulej berikni minħabba fik.”

28U ssokta jgħidlu: “Għidli x’inhu ħlasek, u nagħtihulek.”

29U Ġakobb qallu: “Inti taf kemm ħdimtlek u kif saret il-merħla tiegħek miegħi.

30Il-ftit li kellek qabel ġejt jien, issa kotor bil-bosta u l-Mulej bierkek mindu ġejt jien. Meta se nibda naħdem jien għal dari wkoll?”

31U Laban qallu: “Xi tridni nagħtik?” U Ġakobb wieġeb: “Tagħtini xejn. Jekk inti tagħmilli li se ngħidlek, jien nerġa’ nirgħa l-merħla tiegħek u nħarisha.

32Jien ngħaddi llum qalb il-merħla tiegħek kollha, u int warrab minnha kull nagħġa mnaqqxa u mtabbgħa, u kull nagħġa sewda minn fost il-ħrief u kulma hu mtabba’ u mnaqqax minn fost il-mogħoż; u dan ikun ħlasi.

33U għada pitgħada meta tiġi biex tħallasni, jixhed għalija s-sewwa tiegħi. Kulma jkun għandi li ma jkunx imnaqqax u mtabba’ fost il-mogħoż u iswed fost il-ħrief, ikun qisu misruq.”

34U Laban wieġeb: “Tajjeb! Ikun kif għedt int.”

35U dak in-nhar Laban warrab fil-ġenb il-bdabad imżewqa u mtabbgħa u kull mogħża mnaqqxa u mtabbgħa - kulma kien fih l-abjad - u kulma kien iswed fost il-ħrief. U telaqhom f’idejn uliedu.

36U mbagħad tbiegħed minnu tlitt ijiem mixi. U Ġakobb baqa’ jirgħa l-merħla l-bajda li kien baqa’.

37U Ġakobb ħa friegħi tal-luq, tal-lewż u tad-dolf u għamel fihom strixxi bojod billi qaxxarhom u kixef l-abjad tal-friegħi.

38Imbagħad qiegħed il-friegħi li kien qaxxar fil-ħwat u l-misqjiet tal-ilma għal quddiem l-imrieħel li kienu jiġu jixorbu hemm; u l-imrieħel kienu jisħnu huma u jixorbu.

39U saħnu l-imrieħel quddiem il-friegħi u wildu friegħ imżewqa, mnaqqxa u mtabbgħa.

40U l-ħrief Ġakobb firidhom għalihom u dawwar wiċċ in-nagħaġ lejn kulma kien imżewwaq u iswed fil-merħla ta’ Laban. U hekk rawwem imrieħel għalih waħdu, u ma ħallathomx mal-merħla ta’ Laban.

41U ġara li kull meta kienu jisħnu n-nagħaġ b’saħħithom, Ġakobb kien iqiegħed il-friegħi fil-ħwat quddiem għajnejhom biex jisħnu huma u jħarsu lejn il-friegħi.

42Imma quddiem in-nagħaġ dgħajfa ma kienx iqegħedhom. U hekk id-dgħajfa kienu jkunu ta’ Laban u dawk b’saħħithom ta’ Ġakobb.

43U r-raġel far b’ġid kbir ħafna u kellu mrieħel kbar, qaddejja rġiel u nisa, iġmla u ħmir.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help