1In-nuqqas ta’ rqad minħabba l-għana jherri l-ġisem,
u t-tħassib tiegħu jtajjar in-ngħas.
2It-tħassib biex tgħix ma jħallikx torqod,
bħal marda kiefra jtellfek in-ngħas.
3L-għani jitħabat biex ikattar ġidu,
u meta jistrieħ, jitpaxxa bih.
4Il-fqir jitħabat biex ikollu biex jgħix,
u jekk jistrieħ jiġi fil-bżonn.
5Min iħobb id-deheb ma jibqax fis-sewwa,
u min jiġri wara l-flus joħroġ barra minn triqtu.
6Ħafna ħadu tisbita minħabba d-deheb,
u ħabbtu wiċċhom mat-telfien tagħhom.
7Hu xkiel għal dawk li huma mogħmija bih,
u kull iblah isir ilsir tiegħu.
8Hieni l-għani li jinstab mingħajr ħtija,
u li ma jiġrix wara d-deheb.
9Min hu dan biex infaħħruh,
għax fost niesu għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
10Min kien imġarrab minnu, u baqa’ bla ħtija?
Għandu biex jiftaħar.
Min jista’ jaqbeż il-limiti u ma jaqbiżhomx,
jew jista’ jagħmel il-ħażen u ma jagħmlux?
11Ġidu jkun fis-sod,
u l-opri ta’ ħnientu xxandarhom il-ġemgħa.Il-pranzijiet
12Qiegħed bilqiegħda ma’ mejda għal xi ikla kbira?
Tħallix il-kilba għaliha tegħlbek,
u tgħidx: “Hemm bil-ħala fuqha.”
13Ftakar li mhux sew tħares b’għajn kollha kilba.
X’inħoloq b’kilba akbar mill-għajn?
Għalhekk tnixxi dmugħ minn kull wiċċ.
14Jekk ħaddieħor jitfa’ ħarstu fuq xi ħaġa,
toħroġx idek għaliha,
u trossx fuqu biex taħtaf mill-platt.
15Kun af li dak li tħoss int iħossu għajrek,
u f’kulma tagħmel aħsibha sewwa.
16Kul bħan-nies dak li jitqiegħed quddiemek;
tomogħdux bil-ħatfa, biex ma jmaqdrukx.
17Kun l-ewwel li tieqaf kif titlob l-imġiba tajba,
u tkunx wieħed li qatt ma jixba’, biex ma trigħexx lil xi ħadd.
18U jekk qiegħed bilqiegħda qalb ħafna nies,
tmiddx idek qabilhom.
19Biżżejjed il-ftit għal bniedem imrobbi sewwa!
Fuq soddtu ma jaqtax nifsu.
20Raqda tajba fuq stonku ħafif;
tqum kmieni, u tħossok f’sikktek.
Nuqqas ta’ rqad, tqalligħ,
u brim ta’ msaren,
ibati bihom iż-żaqqieq.
21U jekk kont imġiegħel tiekol ħafna,
qum u mur aqla’, ħa tistrieħ.
22Isma’ minni, ibni, u twarrabnix,
għax fl-aħħar tiġi fi kliemi;
kulma tagħmel, agħmlu bil-qjies,
u ebda marda qatt ma tilħqek.
23In-nies ifaħħru ’l min hu jdejh miftuħa fl-ikel,
ix-xhieda tagħhom hi minnha.
24In-nies imaqdru lil min hu jdejh magħluqa fl-ikel,
ix-xeħħa tiegħu hi flokha.
L-inbid25Tagħmilhiex ta’ raġel b’saħħtu bl-inbid fih,
għax l-inbid wassal ħafna għat-telfien.
26Il-forġa tistħarreġ l-ebusija tal-azzar,
hekk l-inbid iġarrab il-qlub fit-tilwim tal-kburin.
27L-inbid hu daqs il-ħajja għall-bnedmin,
jekk tixorbu bil-qjies tiegħu.
X’inhi ħajja nieqsa mill-inbid?
Għalhekk kien maħluq,
biex iferraħ lill-bnedmin.
28Hena tal-qalb u ferħ fir-ruħ
meta l-inbid jinxtorob bil-qjies u f’waqtu.
29Imrar ir-ruħ meta l-inbid bl-adoċċ jinxtorob,
waqt tinbix u tfixkil.
30Is-sokor iżid l-herra tal-iblah hekk li jinfixel,
idgħajjiflu ħiltu u jimlieh bil-ġrieħi.
31Fil-laqgħa fejn jinxtorob l-inbid teħodhiex mal-ġar tiegħek,
u tkasbrux fix-xalar tiegħu.
U ċanfira ma tgħidhilux,
u ddejqux b’xi talba tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.