1Għalhekk bi ħlejjaq bħal dawn int għakkisthom kif kien ħaqqhom,
u bi qtajja’ ta’ dud ikkastigajthom.
2Imma lill-poplu tiegħek, flok kastig ġid tajtu;
biex ittaffilu l-ġuħ bgħattlu s-summien,
ikel bnin li qatt ma kien daq minnu.
3Dan int għamiltu biex l-oħrajn, imxennqin għall-ikel,
wara li ġew fuqhom il-bhejjem moqżieża,
jaqtgħu wkoll l-aptit tal-ikel meħtieġ;
imma l-poplu tiegħek, wara l-ftit żmien tal-ġuħ,
jitpaxxa b’ikel li qatt ma kien daq minnu.
4Hekk kien jixraq li għaks mill-eqqel jaqa’ fuq dawk li ħaqruhom,
biex huma jaraw biss kemm kienu kkastigati l-għedewwa tagħhom.
5Meta darba bhejjem qliel u tal-biża’ daru għall-poplu tiegħek,
u bdew imutu migdumin minn sriep jitkagħwġu,
ma damx sal-aħħar l-għadab tiegħek.
6Bi twiddiba kienu mwerwrin għal żmien qasir;
u kellhom sinjal ta’ salvazzjoni biex ifakkarhom fil-kmand tal-Liġi tiegħek.
7Għax kull min kien idur lejh kien isalva,
mhux b’dak li kien jara, iżda bik li ssalva ’l kulħadd.
8B’dan ukoll int urejt lill-għedewwa tagħna,
li int dak li teħles minn kull deni.
9Lilhom qatilhom il-gdim tal-ġradijiet u tad-dubbien,
u xejn ma sabu li jsalvalhom ħajjithom,
għax kien ħaqqhom kastig bħal dan.
10Imma wliedek lanqas bis-snien tas-sriep kollhom velenu ma ntrebħu,
għax daħlet għalihom ħnientek u fejqithom.
11Kien biex jiftakru fi kliemek li ġew migduma,
u minnufih imfejqa,
li ma jmorrux jinsew għalkollox,
u jwarrbu ħsiebhom mill-ġid li għamiltilhom.
12Għax la fiequ bil-ħxejjex u lanqas bil-ġbajjar,
imma b’kelmtek, Mulej, li kollox tfejjaq.
13Għax int għandek is-setgħa fuq il-ħajja u l-mewt;
int twassal sa bieb il-mewt, u traġġa’ lura.
14Il-bniedem joqtol jista’ bi ħżunitu,
imma ma jistax iġib lura r-ruħ li toħroġ,
lanqas jeħles ruħ magħluqa taħt is-setgħa tal-mewt.
In-nar u l-manna15Minn idek ħadd ma jista’ jaħrab.
16Għalhekk il-ħżiena li ma ridux jagħrfuk
bi driegħek setgħan inħaqru;
ġew fuqhom tempesti liema bħalhom ta’ xita, silġ u ilma bla ma jaqta’,
u nqerdu għalkollox bin-nar.
17Ħaġa tal-għaġeb, fl-ilma li kollox jitfi,
in-nar ħeġġeġ b’qawwa akbar;
għax id-dinja qamet biex taqbeż għall-ġusti.
18Ġie li l-ilsna tan-nar kienu jiddgħajfu,
biex ma jinħarqux il-bhejjem mibgħuta kontra l-ħżiena,
u hekk dawn jaraw u jintebħu li fuqhom kellhom il-kundanna ta’ Alla.
19Drabi oħra, saħansitra fl-ilma, in-nar qabeż qawwietu,
biex jeqred l-uċuħ tal-art ħażina.
20Flok dan, lill-poplu tiegħek tmajtu b’ikel tal-anġli,
bgħattlu l-ħobż mis-sema, lest għall-ikel bla taħbit,
mogħni b’kull ħlewwa u fih kull togħma.
21Dan l-ikel tiegħek wera l-ħlewwa tiegħek ma’ wliedek;
waqt li kien jaqta’ x-xewqa ta’ min kien jieħdu,
kien jaqbel mal-gosti ta’ kull wieħed.
22Il-borra u s-silġ felħu għan-nar u ma nħallux,
biex huma jagħrfu li uċuħ ir-raba’ tal-għedewwa
nqerdu bin-nar li kien iħeġġeġ qalb is-silġ,
hu u jleħħ il-beraq qalb ix-xita.
23Imma dan in-nar, biex jieklu u jgħixu l-ġusti,
nesa din id-darba l-qawwa tiegħu stess.
24Għax il-ħolqien, li jaqdi lilek li ħlaqtu,
juri qawwietu kollha biex jikkastiga l-ħżiena,
imma jintelaq għall-ġid ta’ min jittama fik.
25Għalhekk dik id-darba wkoll, kien joqgħod għal kull tibdil,
biex jaqdi d-don ta’ tjubitek, li kienet titma’ ’l kulħadd,
kif kienu jixtiequ u jitolbu.
26Hekk, Mulej, uliedek, li int tħobb, jitgħallmu
li mhux b’kull xorta ta’ frott jgħix il-bniedem,
iżda b’kelmtek li żżomm ’il dawk li jemmnu fik.
27Għalhekk il-manna, li ma nqerditx bin-nar,
kienet iddub mas-sħana ta’ daqsxejn ta’ raġġ tax-xemx,
28biex inkunu nafu li għandna niżżuk ħajr qabel titla’ x-xemx,
u lejk induru ma’ tbexbix id-dawl.
29It-tama ta’ min hu ingrat iddub bħall-ġlata tax-xitwa,
u tgħaddi tiġri bħal ilma mhu tajjeb għal xejn.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.