ĠOB 36 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 36Ir-raġuni vera ta’ tbatijiet Ġob

1Eliħu ssokta jgħid:

2“Stenna, Ġob, ftit ieħor ħalli nurik raġunijiet oħra favur Alla.

3Naqla’ mill-qiegħ tal-ħażna t’għerfi

ħa nagħti raġun lill-Ħallieq tiegħi.

4Emminni ngħidlek: ‘M’hemmx tagħwiġ fi kliemi;

għaref kif imiss għandek quddiemek.’

5Ara, Alla hu ta’ qawwa liema bħalha,

iżda ma jistmellx lis-sinċiera.

6Ma jħallix lill-ħżiena jgħixu,

u jagħmel ħaqq mal-maħqurin.

7Ma jwarrabx għajnejh minn fuq il-ġusti;

fuq tron iqegħedhom mas-slaten;

għal dejjem ikunu merfugħa.

8Iżda jekk jiġu marbuta bil-ktajjen,

u miżmuma fil-ħbula tan-niket,

9Hu jurihom dak li għamlu,

li dinbu għax refgħu rashom.

10Jiftħilhom widnejhom għat-twissija,

u jordnalhom iduru mill-ħażen.

11Jekk jisimgħu u joqogħdu

jgħaddu jiemhom fil-ġid,

u sninhom fit-tgawdija.

12Jekk ma jobdux jgħaddu għal Art l-Imwiet,

imutu bla ma jintebħu.

13Dawk ta’ ras iebsa jsorru l-korla,

u ma jitolbuhx għajnuna xħin jgħakkishom,

14imutu fil-fjur ta’ żgħożithom,

itemmu ħajjithom bħaż-żienja.

15Hu jifdi l-magħkus bit-tagħkis tiegħu,

jiftaħlu għajnejh bin-niket tiegħu.

16Lilek ukoll mill-għawġ jaqilgħek

f’post komdu jqiegħdek u bla xkiel,

u jkollok mejda mimlija bl-aħjar ikel.

17Iżda int tiddefendix il-kawża tal-ħżiena

u żomm imħarsa d-digrieti tiegħu.

18La tħallix l-għana jħassrek,

tixxaħħamx b’xi rigal kbir.

19Se jiswa quddiemu fil-hemm ġidek,

u s-setgħa kollha li ksibt minnu?

20Tixxennaqx għal dak il-lejl,

meta jgħibu l-popli mnejn ikunu.

21Qis li ma ddurx lejn il-ħażen,

għax għalhekk ġejt imġarrab mill-hemm.

Tifħir lill-Għerf u s-Setgħa bla qjies ta’ Alla

22Ara, Alla jgħaddi ’l kulħadd fil-qawwa tiegħu;

u liema mgħallem iħabbatha miegħu?

23Min urieh kif għandu jimxi?

Min jista’ jgħidlu ‘għamilt ħażin’?

24Qis li tfaħħar il-kobor t’għemilu,

il-ħolqien li għannewh il-bnedmin.

25Iħares lejh kull bniedem,

jarawh mill-bogħod il-bnedmin.

26Alla hu hekk kbir li anqas nifhmuh,

u l-għadd ta’ sninu ma nsibux tarfu.

27Hu jiġbed il-qtari tal-ilma,

li jqattru x-xita mill-ġibjun tiegħu,

28sa ma jimtela s-sħab bihom

u jsawbuhom fuq l-art f’ħalbiet.

31Bihom Hu jitma’ l-popli,

jagħtihom ikel bil-kotra.

29Min jista’ jifhem kif jinfirex is-sħab

u jkarwat ir-ragħad fit-tinda tiegħu?

30Hu jifrex madwaru d-dawl tiegħu,

iwaqqaf fuq għejun il-baħar it-tron tiegħu.

32Fuq kefef idejh tleħħ il-berqa,

u jwaddabha fejn irid jolqot.

33L-Għoli jitkellem bir-ragħad tiegħu,

jiżfoga fuq il-ħażen il-qilla tiegħu!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help