SALMI 92 - Maltese Bible with DC

Salm 92L-għanja tal-ġust

1Salm. Għanja għal jum is-Sibt.

2Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

3Inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,

u billejl il-fedeltà tiegħek,

4fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa,

u bid-daqq taċ-ċetra.

5Għax inti, Mulej, ferraħtni b’għemilek;

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

6Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek,

kemm huma għolja ħsibijietek!

7Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx,

u l-iblah ma jifhimhomx.

8Imqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena,

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

ilkoll għad jinqerdu għal dejjem.

9Imma inti, Mulej,

għal dejjem fl-għoli.

10Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej,

l-għedewwa tiegħek jintilfu;

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

11Imma lili daqs gendus saħħaħtni,

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

12Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi,

widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.

13Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

14Imħawlin f’dar il-Mulej,

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna.

15Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,

kollhom ħajja u ħdura,

16biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,

u ebda qerq ma jinsab fih.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help