1Salm ta’ David.
Lilek, Mulej, insejjaħ; fittex għinni!
Isma’ leħni, jiena u nsejjaħlek.
2Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek;
ikunu idejja merfugħa ’l fuq
bħas-sagrifiċċju filgħaxija.
3Qegħedli, Mulej, ilġiem fuq fommi,
agħmilli l-għassa ma’ bieb xufftejja.
4Tħallix li qalbi ddur lejn ħwejjeġ ħżiena
biex jiena nagħmel dak li hu ħażin;
tħallix li nissieħeb ma’ nies ħżiena,
u anqas induq l-ikel bnin tagħhom.
5Ħa jsawwatni l-ġust u jċanfarni,
għax dan jagħmlu mqanqal mit-tjieba.
Imma żejt il-midneb ma jidliklix rasi;
jien nibqa’ nitlob kontra ħżunithom.
6Fuq il-blat jitwaddbu l-kapijiet tagħhom;
imbagħad jitgħallmu li sabiħ hu kliemi.
7Bħall-frak u l-laqx mal-art imxerred,
hekk jitferrex għadamhom f’daħlet qiegħ l-art.
8Imma lejk, Mulej Sidi, jiena ndawwar għajnejja,
fik nistkenn, la tħallinix nintrema.
9Ħarisni mix-xibka li firxu għalija,
min-nassa ta’ dawk li jagħmlu l-ħażen.
10Ħa jaqgħu l-ħżiena fix-xbiek tagħhom,
waqt li jiena waħdi neħlisha.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.