1Taħbit kbir fassal għal kull bniedem,
u hemm madmad tqil fuq ulied Adam,
minn dakinhar li joħorġu minn ġuf ommhom
sa dakinhar li jerġgħu lura għand l-omm tagħhom ilkoll.
2Sehemhom taħbil il-moħħ u taqtiq il-qalb;
u l-ħsieb ta’ jum il-mewt
li ma jħallikx kwiet.
3Minn dak li qiegħed bilqiegħda fuq xi tron ta’ glorja;
sa dak li qiegħed fl-art fl-irmied u t-trab;
4minn dak li jilbes il-porpra u l-kuruna
sa dak li hu mgeżwer fi xkora,
għalihom hemm għadab u għira, taħwid u taqlib,
u biża’ tal-mewt, korla u ġlied.
5U meta wieħed jidħol fi friexu biex jistrieħ,
l-irqad tal-lejl iħawwadlu moħħu.
6Ftit li xejn jistrieħ,
u minn xħin jorqod, bħal wieħed għassa,
jitħawwad bit-thewdin ta’ moħħu bħal maħrub minn xi taqbida.
7Xħin jaħseb li jkun ħieles jistenbaħ,
u jistagħġeb għaliex kien jibża għal xejn.
8Għax għall-ħlejjaq kollha, mill-bnedmin u bhejjem,
u seba’ darbiet aktar għall-midinbin
9hemm il-mewt u d-demm, il-ġlied u s-sejf,
l-hemm u l-ġuħ, in-niket u l-pesta.
10Dawn kollha saru għall-ħżiena,
u kien minħabba fihom li ġie dilluvju.
11Kulma hu mill-art, lejn l-art għad jerġa’ jmur,
u kulma hu mill-ilmijiet, lejn il-baħar għad jerġa’ lura.Qwiel oħra
12Kull tixħim u inġustizzja għad jgħibu,
imma s-sinċerità tibqa’ għal dejjem.
13Il-ġid tal-ħżiena jixxotta bħal xmara,
jgħib bħat-tkarwit ta’ ragħda fix-xita.
14Bħalma jithenna min jiftaħ idejh;
hekk il-ħżiena jisfaw fix-xejn.
15Nisel il-ħżiena ma joħroġx friegħi,
hu bħal għeruq morda fuq il-blat aħrax.
16Il-qasab ħdejn kull ilma jew xatt ta’ xmara
jinqala’ qabel kull ħaxix ieħor.
17Imma t-tjieba bħal ġnien kollu barka,
u l-għoti ta’ karità jibqa’ għal dejjem.Il-paraguni
18Ħelwa l-ħajja għal min xejn ma jonqsu u għall-ħaddiem,
imma aqwa mit-tnejn min isib teżor.
19Ulied u bini ta’ belt jagħmlu isem lil dak li jkun,
imma mara bla għajb tgħaddihom it-tnejn.
20Inbid u daqq iferrħu l-qalb,
imma l-imħabba għall-għerf tgħaddihom it-tnejn.
21Il-flawt u l-arpa jagħtu melodija ħelwa,
imma lsien ħelu jgħaddihom it-tnejn.
22Il-grazzja u l-ġmiel jiġbdu l-għajn,
imma l-ħdura tal-qamħ tiġbidha aktar minnhom it-tnejn.
23Ħabib u sieħeb jgħinu lil xulxin filwaqt,
imma l-mara u r-raġel aktar minnhom it-tnejn.
24L-aħwa u l-għajnuna ssibhom fi żmien l-għawġ,
imma l-għoti ta’ karità jgħaddihom it-tnejn.
25Deheb u fidda jgħinuk tieqaf fuq riġlejk;
imma parir tajjeb tistmah aktar minnhom.
26Ġid u qawwa jagħmlulek il-qalb,
imma l-biża’ tal-Mulej hu aqwa minnhom it-tnejn.
Meta għandek il-biża’ tal-Mulej ma jonqsok xejn,
u meta jkollok lilu
m’għandek bżonn xejn.
27Il-biża’ tal-Mulej hu bħal ġnien kollu barka,
u jlibbes lill-bniedem aħjar minn kull glorja oħra.It-talba għall-karità
28Ibni, tgħaddix ħajtek ta’ tallab;
aħjar il-mewt milli tittallab.
29Min iħares lejn il-mejda ta’ ħaddieħor,
ħajtu mhi ħajja xejn;
iniġġes ruħu b’ikel ħaddieħor.
Imma min hu għaqli u mgħallem ma jġibx ruħu hekk.
30Min hu wiċċu tost jittallab bil-kliem ħelu
iżda f’qalbu jkollu nar iħeġġeġ.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.