SOFONIJA 1 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 1

1Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Sofonija bin Kusi, bin Gedalija, bin Amarija, bin Ħeżekija, fi żmien Ġosija bin Amon, sultan ta’ Ġuda.Jum il-Mulej f’Ġuda

2“Se niknes kollox minn fuq wiċċ l-art,”

oraklu tal-Mulej,

3“bnedmin u bhejjem neqred,

neqred it-tjur tas-sema u l-ħut tal-baħar,

u n-nies il-ħżiena nġibhom fix-xejn;

inqaċċat il-bniedem minn fuq wiċċ l-art,”

oraklu tal-Mulej.

4“Idi tilħaq lil Ġuda,

u lin-nies kollha ta’ Ġerusalemm.

U minn dal-post inqaċċat

kulma għad hawn minn Bagħal,

sal-istess isem tal-qassisin tiegħu;

5u ’l dawk li fuq il-bjut

jaduraw lill-eżerċtu tas-smewwiet;

lil dawk li jaduraw, iva, lill-Mulej,

imma jaħilfu bl-isem ta’ Milkom;

6lil dawk li ma baqgħux wara l-Mulej,

lil dawk li xejn ma jfittxu lill-Mulej,

xejn ma jqisuh.”

7Il-Mulej Sidi, żommu s-skiet quddiemu,

għaliex Jum il-Mulej jinsab fil-qrib.

Għax il-Mulej ġa ħejja s-sagrifiċċju,

u ġa qaddishom il-mistiedna tiegħu.

8U f’jum is-sagrifiċċju tal-Mulej,

jiġri li “Nikkastiga l-kapijiet

u wlied is-slaten,

dawk kollha lebsin bħall-barranin.

9Dakinhar, iva,

jien nikkastiga ’l kull min jaqbeż l-għatba,

u ’l min id-dar ta’ sidu

bil-vjolenza u l-qerq jimlieha.”

10“U jiġri dakinhar,”

oraklu tal-Mulej,

“illi minn Bieb il-Ħut tinstema’ għajta,

u tasal karba mill-Kwartier il-Ġdid,

u ħoss tal-għaġeb jiġi mill-għoljiet.

11Okorbu, nies li tgħammru fil-Maktes,

għax ġens in-neguzjanti kollu nqered,

u kollha tqaċċtu dawk li jiżnu l-fidda!

12U jiġri f’dak iż-żmien, f’Ġerusalemm,

nagħmel tfittxija kif imiss bid-dawl,

u nikkastiga n-nies

li, inkallati fit-tartru maħmuġ tagħhom,

joqogħdu jgħidu f’qalbhom:

‘Ma jagħmel il-Mulej la ġid, lanqas deni!’

13Ġidhom għad jisirquhulhom,

djarhom isiru ħerba;

jibnu djar, iżda ma jgħammrux fihom;

iħawlu dwieli, u nbid ma jeħdux minnhom.”Jum il-Mulej

14Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib!

Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa liema bħalha!

Jum il-Mulej l-għajta tiegħu twerwrek,

tintrafa’ mbagħad bħal għajta ta’ gwerrier.

15Hu jum ta’ korla dak il-Jum,

jum ta’ dwejjaq u niket,

jum ta’ qerda u diqa,

jum ta’ dlam u swied,

jum imsaħħab u ta’ ċpar magħqud;

16il-jum għad-daqq tat-tromba

u għall-għajjat tal-gwerra

kontra l-ibliet fortizzi u s-swar għoljin.

17U jiena nibgħat dwejjaq fuq in-nies,

u jterrqu qishom għomja,

għax ħtew kontra l-Mulej.

Demmhom bħat-trab jixxerred,

u l-iġsma tagħhom jintremew bħaż-żibel.

18La l-fidda tagħhom lanqas dehebhom

ma jkun jista’ jeħlishom

f’jum il-korla tal-Mulej.

Fin-nar imħeġġeġ ta’ qilltu

tintemm l-art kollha,

għax qerda jagħmel, u tassew tal-għaġeb,

minn kull min jgħammar fl-art.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help