1Eliħu ssokta jgħid:
2“Isimgħu, għorrief, kliemi,
intom li tifhmu, iftħu widnejkom;
3għax il-widna tiżen il-kliem
bħalma l-ħalq itiegħem l-ikel.
4Ħa nistħarrġu għalina x’inhu s-sewwa,
u naqtgħuha bejnietna x’inhu t-tajjeb.
5Ġob qal: ‘Ġust jien,
iżda Alla ċaħħadni mid-dritt tiegħi.
6Kontra l-ġustizzja jien ħadt it-tort,
midrub jien bil-vleġeġ tiegħu għalkemm bla ħtija.’
7Hawnx bniedem bħal Ġob
jixrob bħall-ilma ż-żebliħ?
8Hu ssieħeb man-nies il-ħżiena,
u jaqbel ma’ dawk ta’ fehmiet mgħawġa.
9Hu stqarr: ‘Xejn ma jiswielu l-bniedem
li jfittex jimxi sewwa ma’ Alla.’
10Imma intom, nies bil-għaqal, isimgħuni:
Ma jistax ikun li Alla jagħmel id-deni,
li Xaddaj jagħmel dak li hu ħażin.
11Għax Hu jħallas il-bniedem skont għemilu,
lil kull wieħed skont ma jġib ruħu.
12Le, Alla qatt ma jaħdem id-dnewwa,
Xaddaj qatt ma jmur kontra l-ġustizzja.
13Min tahielu l-ħakma fuq l-art tiegħu?
Min irħieha fi ħsiebu t-tmexxija tad-dinja?
14Jekk iraġġa’ għal għandu l-ispirtu tiegħu,
u jieħu lura nifs il-ħajja,
15jinqered kull ħaj f’salt wieħed,
u jerġa’ l-bniedem lejn it-trab.
16Issa, jekk għandek għaqal isma’ x’se ngħidlek,
iftaħ widnejk għas-sens ta’ kliemi.
17Jista’ jiggverna min jobgħod is-sewwa?
Trid int tikkundanna l-Ġust innifsu?
18Lil Dak li jgħid lis-sultan: ‘Ja vili’,
u ‘Ja nies ħżiena’ lill-prinċpijiet?
19Hu ma jimxix bil-favuri mal-kbarat,
lanqas jistma l-għani aktar mill-fqir,
għax kollha huma xogħol idejh.
20F’sabta jmutu mqar f’nofs ta’ lejl,
għad-daqqa t’idu jispiċċaw l-għonja,
u jgħibu t-tiranni bla taħbit.
21Għax Alla għajnejh fuq l-imġiba tal-bniedem,
u jiflilu passih kollha.
22M’hemmx dlam lanqas swied,
fejn jista’ jinħeba min jagħmel id-dnewwa.
23Lil ħadd ma jagħti żmien fiss,
biex jersaq quddiemu għall-ħaqq.
24Iġarraf, bla ma jistaqsi, lill-qawwijin,
u jqiegħed oħrajn minflokhom.
25U billi jaf tajjeb għemilhom,
jaqlibhom billejl u jiġġarrfu.
26Ta’ ħżiena li huma jaħbathom,
f’post fejn jistgħu jarawhom,
27talli tbiegħdu minnu,
u warrbu kull twissija tiegħu,
28hekk li ġagħlu l-għajjat tal-fqir jitla’ quddiemu,
u Hu sama’ l-krib tal-maħqurin.
29U jekk jibqa’ ħiemed, min jista’ jagħtih tort?
U min sa jilmħu jekk jaħbi wiċċu?
Iżda fuq ġnus u bnedmin Hu jishar,
30biex la jsaltan wieħed ħażin,
lanqas ma jinstaram il-poplu.
31Issa nagħmluha li wieħed jgħid lil Alla:
‘Tqarraqt, iżda ma nżidx nidneb,
32sa ma nagħraf dan għallimni int,
jekk għamilt id-deni ma nissuktax,’
33taħseb li għandu jħallsu kif jidher lilek,
għax inkella ma toqgħodx għalih?
Għandu jgħid lilek: ‘Int tagħżel, mhux jien’?
Għidli, mela, x’jidhirlek!
34Jgħiduli n-nies bil-għaqal,
u bħalhom jgħid l-għaref li jismagħni:
35‘Ġob ma tkellimx ta’ għaref,
dak li qal kien bla għaqal.
36Iżda Ġob sal-aħħar għandu jiġġarrab
għat-tweġib tiegħu ta’ midgħi.
37Hu jżid dan ma’ dnubietu,
li jiċħad f’wiċċna stess it-tort tiegħu,
u ma jehdiex imaqdar lil Alla.’ ”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.