BIN SIRAK 22 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 22L-għażżien

1L-għażżien bħal ġebla maħmuġa,

u kulħadd jieħdu bit-tisfir minħabba għajbu.

2L-għażżien bħal qabda demel;

kull min itellgħu ma’ idu jfittex ifarfru.

It-tfal imqarba

3Tifel bla manjieri, għajb għal missieru,

u t-twelid ta’ tifla hu telf.

4Bint għaqlija tikseb ir-raġel tagħha,

imma waħda bla mistħija tweġġa’ lil missierha.

5Mara mżatta ġġib għajb fuq missierha u żewġha,

u minnhom it-tnejn hija mmaqdra.

6Daqq waqt il-vistu hu rakkont barra minn waqtu;

imma swat u tagħlim huma għerf f’kull ħin.

7L-ulied li jitrabbew tajjeb igawdu t-tajjeb tal-ħajja,

jaħbu t-twelid umli tal-ġenituri tagħhom.

8L-ulied mimlijin bihom infushom, imrobbija ħażin u mkabbra,

itebbgħu isem it-tnissil għoli tal-ġenituri tagħhom.

Għerf u bluha

9Bħal wieħed iwaħħal flimkien ix-xaqquf min jgħallem lill-iblah,

jew bħal min irid iqajjem lil min raqad raqda fil-fond.

10Min joqgħod jirrakkonta lil bniedem iblah,

bħal min jirrakkonta lil wieħed nofsu rieqed;

meta jkun wasal fit-tmiem jgħidlu: “X’inhu?”

11Ibki għall-mejjet għax ħalla warajh id-dawl,

u ibki għall-iblah għax ħalla warajh id-dehen;

imma l-biki tiegħek ikun inqas għall-mejjet għax dan qiegħed fil-mistrieħ,

filwaqt li l-ħajja tal-iblah hi agħar minn mewtu.

12Il-mejjet jibkuh sebat ijiem,

imma l-iblah u l-midgħi jibkuh il-jiem kollha ta’ ħajtu.

13Titkellimx fit-tul mal-iblah,

u tersaqx lejn min hu bla dehen.

Oqgħodlu għassa biex ma jkollokx għawġ,

u ma titħammiġx meta jfarfar ħwejġu.

Warrab minnu u ssib il-mistrieħ,

u ma tinkeddx għax jitlef rasu.

14X’inhu itqal miċ-ċomb?

U x’inhu ismu jekk mhux ‘iblah’?

15Ir-ramel, il-melħ, biċċa ħadid

eħfef li ġġorr minn bniedem bla moħħ.

16Travu tal-injam imqabbad tajjeb f’bini ma jinqalax b’theżżiża;

hekk ukoll il-qalb soda f’fehmitha bil-ħsieb magħmula,

waqt l-għawġ ma tibża’ xejn.

17Qalb li toqgħod fuq ħsieb għaqli

hi bħal bini bir-ramel fuq ħajt invjat.

18Ilqugħ biz-zkuk imqiegħed fuq għolja

ma jżommx wieqaf quddiem ir-riħ;

hekk ukoll qalb imbeżżgħa mill-fehma belha tagħha,

ma jseħħilha tieqaf lil ebda biża’.

Il-ħbiberija

19Min iweġġa’ għajn joħorġilha d-dmugħ,

u min iweġġa’ qalb iġagħalha turi dak li tħoss.

20Min iwaddab ġebel lill-għasafar inaffarhom,

u min ikasbar ħabib jikser il-ħbiberija.

21Jekk għal ħabib tkun slitt is-sejf,

taqtax jiesek għax għad tista’ treġġgħu lura.

22Jekk ftaħt ħalqek kontra ħabib,

toqgħodx tinkedd għax għad tista’ titħabbeb mill-ġdid miegħu;

imma mhux meta tmaqdru, iżżebilħu, tikxiflu sigrieti, jew tqarraq bih;

għal dawn kollha jaħarbek kull ħabib.

23Ikseb il-fiduċja tal-proxxmu tiegħek meta hu fil-faqar,

biex meta jkun fil-ġid tgawdi miegħu;

fi żmien l-għawġ ieqaf miegħu,

biex meta jiret sehmu taqsam miegħu.

24Qabel in-nar joħroġ minn forn fwar u duħħan,

hekk ukoll qabel tixrid id-demm jiġi t-tagħjir.

25Ma nistħix nagħti kenn lil ħabib,

u minn wiċċu ma ninħebiex;

26imma jekk niltaqa’ ma’ xi għawġ minħabba fih,

kull min jisma’ joqgħod għassa għalih.

27Min se jqegħedli sarima ma’ ħalqi,

jew fuq xufftejja s-siġill tal-għaqal,

biex bihom ma naqax

u lsieni ma jwassalnix għat-telfien?

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help