IL-KTIEB TAL-GĦERF 2 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 2Għajdut tal-midinbin

1Ma ħasbuhiex sewwa, u qalu bejniethom:

“Ħajjitna qasira, u kollha inkwiet;

ma jista’ jsir xejn kontra l-mewt tal-bniedem,

ma nafu b’ħadd li raġa’ lura mill-imwiet.

2Ġejna fid-dinja b’kumbinazzjoni,

u wara mewtna nkunu qisna qatt ma konna;

għax ftit duħħan hu n-nifs fi mnifsejna,

u ħsiebna bħal xrara miżmuma bit-taħbit ta’ qalbna.

3Kif din tintefa, irmied isir ġisimna,

u ruħna tgħib bħall-arja fiergħa.

4Maż-żmien jintesa isimna,

ħadd ma jiftakar f’għemilna.

Ħajjitna tgħaddi bħal ftit fdal ta’ sħaba,

iddub bħal ċpar

milqut mir-raġġ tax-xemx,

u mirbuħ mis-sħana tagħha.

5Dell li jgħaddi hu żmien ħajjitna;

meta jagħlaq, ma jitwalx aktar;

għax magħluq b’siġill, u ħadd ma jerġa’ lura.

6Ejjew, mela, ħa nitpaxxew bil-ġid li għandna,

u b’ħerqa żagħżugħa ninqdew bil-ħlejjaq!

7Ħa jkollna bix-xaba’ nbid mill-ifjen u fwejjaħ;

ma nħallu l-ebda nwara tar-rebbiegħa taħarbilna.

8Inqiegħdu fuq rasna kuruni tal-blanzuni qabel ma jidbielu.

9Ħadd minna ma jibqa’ barra mix-xalar tagħna,

inħallu kullimkien il-marki tal-ferħ tagħna,

għax dan hu sehemna, u din hi xortina.

10Ngħakksu l-fqir u l-ġust;

ma nħennux għall-armla,

u ma nweġġħux ix-xwejjaħ mgħobbi bis-snin.

11Tkun għalina saħħitna l-liġi tas-sewwa;

għax xejn ma jiswa min hu dgħajjef.

12Nonsbulu lill-ġust għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna,

hu kontra l-għemejjel tagħna,

iċanfarna għax niksru l-Liġi,

jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.

13Jgħid li jagħraf ’l Alla,

u jsejjaħ lilu nnifsu ‘Bin il-Mulej’.

14Għalina hu ċanfira tal-fehmiet tagħna;

narawh biss taħt għajnejna, idejjaqna.

15Għax mhijiex bħal tal-oħrajn ħajtu,

u ma tixbah lil ħadd l-imġiba tiegħu.

16Lilna jgħoddna ta’ nies foloz,

jistmell drawwietna bħal ħaġa moqżieża.

Hieni jsejjaħ it-tmiem tal-ġusti,

u jiftaħar li Alla missieru.

17Ħa naraw hux veru kliemu,

naraw fl-aħħar x’se jsir minnu.

18Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla,

u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.

19Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,

biex naraw xi tjubija għandu

u nkejlu sa fejn jasal sabru.

20Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija,

għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu.”

21Hekk ħasbuha, imma tqarrqu;

mogħmija minn ħżunithom.

22Ma fehmux il-ħsibijiet moħbija ta’ Alla,

ma basrux li hemm il-ħlas għall-qdusija,

lanqas m’għarfu li hemm premju għal min hu bla ħtija.

23Għax Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx,

u għamlu xbieha tiegħu nnifsu.

24Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja;

u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help