1Kif saħħab f’għadbu
Sidi ’l bint Sijon!
Mis-sema waddab mal-art
il-ġmiel ta’ Iżrael.
U ma ftakarx f’mirfes riġlejh,
f’jum il-korla tiegħu.
2Il-Mulej Sidi, mingħajr ebda ħniena,
qered l-għamajjar kollha ta’ Ġakobb;
fil-korla tiegħu ġarraf
il-fortizzi ta’ Ġuda.
Xeħet mal-art u żeblaħ
is-saltna u l-kbarat tagħha.
3Farrak fis-saħna ta’ għadbu,
il-qawwa kollha ta’ Iżrael;
ġibed lura lemintu
minn quddiem l-għadu.
U xegħel għal Ġakobb bħan-nar iħeġġeġ
u jiekol kulma hemm madwaru.
4Ġibed il-qaws tiegħu bħal għadu,
medd lemintu bħal avversarju,
u qatel kulma jogħġob l-għajn.
Fuq l-għarix ta’ Sijon,
sawwab bħan-nar is-saħna tiegħu.
5Sidi sar qisu l-għadu;
bela’ lil Iżrael;
qered il-palazzi tiegħu,
bela’ l-fortizzi tiegħu,
u kattar lil bint Ġuda
il-krib u t-tnehid.
6Ħarbat bħal ġnien l-għarix tiegħu,
ġarraf il-post tal-festi tiegħu.
Nessa l-Mulej f’Sijon
il-festi u s-sibtijiet.
Stmell, fil-qilla ta’ għadbu,
slaten u qassisin.
7Stkerrah il-Mulej l-artal tiegħu,
ċaħad is-santwarju tiegħu.
Telaq f’idejn l-għedewwa
s-swar u l-palazzi tagħha.
F’dar il-Mulej kien hemm għajjat,
bħal f’jum ta’ festa.
8Il-Mulej għamel ħsieb li jġarraf,
is-swar ta’ bint Sijon.
Medd il-ħabel tal-kejl,
u idu ma waqfitx mit-tiġrif.
Xeħet il-vistu fuq is-sur u l-ħajt quddiemu,
u ġġarrfu t-tnejn f’salt wieħed.
9Bwiebha ntradmu fl-art,
kisser u farrak l-iżbarri tagħha.
Is-sultan u l-prinċpijiet tagħha mxerrda fost il-ġnus.
M’hemmx aktar Liġi,
u l-profeti tagħha wkoll,
m’għandhomx aktar dehriet
mingħand il-Mulej.
10Bilqiegħda fl-art u siekta,
ix-xjuħ ta’ bint Sijon;
it-trab tefgħu fuq rashom,
libsu l-ixkejjer;
u niżżlu rashom fl-art
ix-xebbiet kollha ta’ Ġerusalemm.
11Infnew bid-dmugħ għajnejja,
u qalbi mħawda;
fwiedi mal-art imxerred,
għax bint il-poplu tiegħi ħerba waħda;
u fil-pjazez tal-belt it-tfal u t-trabi
nfnew bla saħħa.
12“Fejn huwa l-ħobż u l-inbid?”
Staqsew lil ommijiethom,
xħin bħal midruba kienu jinfnew
fil-pjazez tal-belt,
u ruħhom kienet ħierġa
fi ħdan ommhom.
13X’naqbad ngħid għalik?
Ma’ min inxebbhek,
bint Ġerusalemm?
Ma’ min inqabblek, u kif nista’ nfarrġek,
xebba, bint Sijon?
Għax kbira l-ġerħa daqs il-baħar,
Min jista’ jfejqek?Il-profeti foloz
14Kellhom għalik dehriet ta’ qerq u frugħa
dawk il-profeti tiegħek,
li ma kixfulekx ħżunitek,
biex jeħilsuk mill-hemm li waqa’ fuqek,
imma qalulek biss dehriet giddieba,
kollha qerq u tagħwiġ.
15Iċapċpulek idejhom
dawk kollha li jgħaddu mit-triq.
Isaffrulek u jxejjru rashom
għal bint Ġerusalemm u jgħidu:
“Din hi l-belt li kienu jgħidulha:
‘Kollha ġmiel, għaxqet id-dinja’.”
16Fetħulek fommhom l-għedewwa kollha tiegħek.
Saffrulek u għażgħżu snienhom,
u bdew jgħajtu: “Blajnieha!
Dan hu l-jum li konna nistennew;
ilħaqnieh u rajnieh!”
17Il-Mulej għamel li kien ħaseb,
il-kelma tiegħu żammha,
li kien lissen sa mill-qedem:
ġarraf bla ma ħenn.
Ferraħ lill-għadu tiegħek bik,
u għolla l-qawwa tal-għedewwa.
18Għajjat lill-Mulej Sidi!
Bint Sijon tniehed,
u xerred lejl u nhar
id-dmugħ bħal xmara.
Mingħajr mistrieħ ta’ xejn,
tħallihomx jieqfu lil għajnejk mill-biki.
19Qum billejl u għajjat
xħin is-sahriet ikunu se jibdew;
xerred bħall-ilma qalbek
quddiem il-Mulej Sidi;
erfa’ idejk lejh u itolbu
għall-ħajja tat-tfal tiegħek,
mifnija bil-ġuħ f’salib it-toroq.
20“Ħares, Mulej, u ara!
Lil min għamilt dan?
Għandhom in-nisa jieklu ’l uliedhom,
it-trabi tad-dirgħajn?
Għandhom jinqatlu fit-tempju ta’ Sidi,
il-qassis u l-profeta?
21Minxura fl-art fil-pjazez
it-tfal u x-xjuħ,
ix-xbejbiet u ż-żgħażagħ tiegħi,
waqgħu mejta taħt ix-xabla.
Qtilthom f’jum is-saħna tiegħek,
Qtilt bla ma ħennejt.
22Int sejjaħt bħal f’jum f’xi festa,
il-biża’ tiegħi minn kullimkien.
U f’jum il-korla tal-Mulej
ma kien hemm ħadd,
li ħarab jew ħelisha.
’Il min qandilt u rabbejt,
qeridhom l-għadu tiegħi.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.