ISAIJA 43 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 43Il-Mulej waħdu s-Salvatur ta’ Iżrael

1Imma issa dan jgħid il-Mulej,

dak li ħalqek, Ġakobb,

dak li sawrek, Iżrael:

“La tibżax, għax jien fdejtek:

jien sejjaħtlek b’ismek;

inti tiegħi.

2Anki jekk tgħaddi mill-ilma, jiena miegħek;

jekk taqsam ix-xmajjar, ma jgħerrqukx.

Anki jekk tgħaddi min-nar, ma tinħaraqx,

u l-fjamma ma tibelgħekx.

3Għax jiena l-Mulej, Alla tiegħek,

il-Qaddis ta’ Iżrael,

is-Salvatur tiegħek.

Irħejt l-Eġittu b’riskatt għalik,

’il Kus u ’l Seba minflokok.

4Għax int kont għażiż f’għajnejja,

kollok ġieħ u jien ħabbejtek.

Jien irħejt bnedmin minn flokok,

u popli sħaħ partatt ma’ ħajtek.

5La tibżax għax jien miegħek;

mil-Lvant inġib lil uliedek,

mill-Punent jien niġemgħek.

6Ngħid lit-Tramuntana: Agħtihomli,

u lin-Nofsinhar: La żżommhomlix!

Ġibli s-subien mill-bogħod, ’il bnieti minn tarf l-art,

7lil kull min jissejjaħ b’ismi,

lil min ħlaqt għall-glorja tiegħi,

lil min sawwart u għamilt.”

8Oħroġ il-poplu agħma, għalkemm għandu għajnejh,

u trux, għalkemm għandu widnejh.

9Ħa jinġemgħu l-ġnus ilkoll flimkien,

ħa jiltaqgħu l-popli.

Min minnhom jista’ jħabbar dan,

u jsemmgħalna l-ġrajja tal-imgħoddi?

Ħa jġibu x-xhieda u jippruvaw

u n-nies jisimgħuhom u jgħidu: Hekk hu!

10“Intom ix-xhieda tiegħi,

oraklu tal-Mulej,

u l-qaddej tiegħi li jiena ħtart,

biex tagħrfuni u temmnuni

u tifhmu li jiena hu.

Qabli qatt ma ssawwar xi alla,

u lanqas warajja qatt ma jkun hemm.

11Jiena, jiena l-Mulej,

u ħliefi m’hemmx salvatur.

12Jiena ħabbart u jien salvajt.

Jien semmajt, u fostkom alla barrani ma kienx hemm.

Intom ix-xhieda tiegħi,”

oraklu tal-Mulej.

“Jiena Alla,

13sa minn dejjem jien hu.

M’hemm ħadd li jeħles minn taħt idejja;

min jista’ jraġġa’ lura li nagħmel jien?”

14Dan jgħid il-Mulej,

il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael:

“Minħabba fikom nibgħat f’Babilonja

u nniżżel l-iżbarri kollha,

u l-Kaldin jixhru fuq l-iġfien.

15Jiena, il-Mulej, il-Qaddis tagħkom,

il-ħallieq ta’ Iżrael, is-sultan tagħkom.”

16Dan jgħid il-Mulej,

li fetaħ triq fil-baħar,

mogħdija fl-ilmijiet qawwija;

17dak li ħareġ karrijiet u żwiemel,

eżerċti u rġiel qalbiena f’daqqa;

inxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux;

inħlew bħal ftila, u ntfew:

18“La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi;

la taħsbux fuq dak li ġara qabel.

19Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida:

feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?

Se niftaħ triq fix-xagħri,

xmajjar fid-deżert.

20Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi,

ix-xakalli u wlied in-ngħam,

għax noħroġ l-ilma fix-xagħri,

xmajjar fid-deżert,

biex nisqi l-poplu tiegħi,

il-maħtur tiegħi,

21il-poplu li sawwart għalija,

biex ixandar it-tifħir tiegħi.

22B’danakollu, int, Ġakobb, ma sejjaħtlix,

għax int xbajt minni, o Iżrael!

23Ma ġibtlix in-nagħaġ tiegħek għas-sagrifiċċju tal-ħruq,

u ma weġġaħtnix bis-sagrifiċċji tiegħek.

Jien ma għabbejtekx bl-offerti,

lanqas fnejtek bl-inċens.

24Ma xtrajtlix bi flusek qasab bil-fwieħa,

lanqas xebbajtni bix-xaħam tal-vittmi.

Imma għabbejtni bi dnubietek,

fnejtni bi ħżunitek.

25Jien, jien hu, li nħassar dnubietek minħabba fija,

u li ħtijietek iżjed ma niftakarhomx.

26Fakkarni, ħa nitħaddtuha;

tkellem int u uri s-sewwa tiegħek.

27L-ewwel ma dineb missierek;

u l-medjaturi tiegħek ixxewxu għalija.

28Għalhekk jien kasbart il-prinċpijiet tas-santwarju,

u rħejt għall-qerda lil Ġakobb,

lil Iżrael għat-tagħjir.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help