EŻEKJEL Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebIl-Profeta Eżekjel kien wieħed fost l-eżiljati lejn il-Babilonja. Kien qassis u Alla għażlu biex jippriedka l-kelma tiegħu lil-Lhud f’Ġerusalemm u fl-eżilju. Il-ħidma tiegħu bdiet qabel il-ġrajja kiefra tal-qerda tas-saltna ta’ Ġuda, u kompliet wara. Minħabba f’hekk, insibu li l-profezija tiegħu fiha kemm it-theddida tal-kastig u kemm it-tama tal-ħelsien.Aktarx li l-ministeru tiegħu beda għall-ħabta tas-sena 593 QK, jiġifieri lejn l-aħħar snin tas-saltna ta’ Ġuda, u ntemm qrib is-sena 570 QK, 16-il sena wara l-waqgħa ta’ Ġerusalemm.Il-ktieb ta’ Eżekjel jinqasam f’ħames taqsimiet. Għandna l-ewwel 3 kapitli li jiddeskrivu d-dehra li hu kellu tal-glorja ta’ Alla u kif ġiet is-sejħa tiegħu ta’ profeta. F’kapitli 4 sa 24 naqraw it-twissijiet li l-profeta wassal lill-poplu li kien ċaħad lil Alla. Ħafna drabi, il-messaġġi tiegħu li jheddu lill-poplu bil-kastig li kien sa jiġi fuqhom, Eżekjel kien jirreċtahom.It-tielet taqsima (kap 25-32) tinkludi l-ħaqq li Alla għamel mal-popli ta’ madwar Ġuda. Ġeremija jkompli jwassal il-messaġġi ta’ Alla wara li sama’ bl-invażjoni ta’ Ġerusalemm. Fil-kapitli 33 sa 39, li jiffurmaw ir-raba’ taqsima tal-ktieb, il-messaġġi ta’ Eżekjel huma profeziji ta’ tama li Alla jwiegħed li jaħfer lill-poplu u jiġborhom lura f’Ġerusalemm u f’Ġuda.Billi Eżekjel kien qassis, il-viżjoni li naqraw dwarha fl-aħħar taqsima tal-ktieb (kap 40-48) hi tat-tempju l-ġdid ta’ Ġerusalemm li tindika regoli għall-qima xierqa lejn Alla. Iwassal it-tama li l-art ta’ Iżrael terġa’ tkun tal-poplu l-magħżul u terġa’ titqassam bejn it-tribujiet.Silta popolari ħafna minn dan il-ktieb hi d-dehra tal-wied mimli għadam niexef. Eżekjel jara l-Ispirtu ta’ Alla jonfoħ fuq l-għadam niexef li jieħu l-ħajja. Quddiem din ix-xena, Eżekjel jirċievi l-kelma ta’ Alla li tgħid:O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta’ Iżrael. Ara, huma jgħidu: “Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għalkollox.” Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk qal Sidi l-Mulej: “Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael… U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja” (37,11-13).It-taqsim tal-ktiebIs-sejħa ta’ Eżekjel (1,1—3,27)Taħbir ta’ gwaj fuq Ġerusalemm (4,1—24,27)Il-ħaqq ta’ Alla fuq il-ġnus (25,1—32,32)Il-wegħda ta’ Alla lill-poplu tiegħu (33,1—37,28)Oraklu kontra Gog (38,1—39,29)Dehra tat-tempju u l-art fil-futur (40,1—48,35)