1U Samwel miet, u l-Iżraelin inġabru kollha u bkewh u difnuh f’daru, f’Rama. U David qam u niżel fid-deżert ta’ Faran.
2Kien hemm raġel f’Magħon u x-xogħol tiegħu kien fil-Karmel; kien raġel għani ħafna; kellu tlitt elef nagħġa u elf mogħża. Kien fil-Karmel iġiżż in-nagħaġ tiegħu.
4U David sama’ fid-deżert li Nabal kien qiegħed iġiżż in-nagħaġ tiegħu.
5U David bagħat għaxar żgħażagħ u qalilhom: “Itilgħu l-Karmel, u morru għand Nabal, u sellu għalih f’ismi, agħtuh is-sliem,
6u għidulu: ‘Sliem għalik, sliem lil darek u lil kull min għandek.
7Jien smajt li int qiegħed iġġiżż in-nagħaġ; issa meta r-rgħajja tiegħek kienu magħna, aħna qatt ma ħabbatniehom, u qatt ma naqashom xejn kemm damu l-Karmel.
8Saqsi l-qaddejja tiegħek u jgħidulek. Għalhekk jalla dawn iż-żgħażagħ isibu ħniena f’għajnejk għax ġejna f’jum tajjeb. Agħti mela dak li jiġi għal idejk lill-qaddejja tiegħek, u lil ibnek David.’ ”
9U ż-żgħażagħ ta’ David marru, u kellmu lil Nabal skont dan il-kliem kollu f’isem David, u qagħdu jistennew.
10U Nabal wieġeb lill-qaddejja ta’ David, u qalilhom: “Min hu David u min hu bin Ġesse? Ħafna huma l-qaddejja llum li ħarbu mingħand sidhom.
11Għandi nieħu l-ħobż, u l-ilma tiegħi, u l-laħam li jien ħejjejt għall-ġeżżieża tiegħi, biex nagħtih lil nies li ma nafx mnejn huma?”
12U l-qaddejja ta’ David qabdu triqthom u reġgħu lura; kif waslu għarrfuh b’dan kollu.
13U David qal lin-nies tiegħu: “Ħa jitħażżem kulħadd bix-xabla tiegħu.” U kulħadd tħażżem bix-xabla, u David ukoll tħażżem bix-xabla tiegħu. U telgħu wara David xi erba’ mitt ruħ; u mitejn oħra baqgħu mat-tagħmir.
14U wieħed mill-qaddejja ħabbar lil Abigajl, mart Nabal, u qalilha: “Ara, David bagħat mid-deżert messaġġiera biex isellmu lil sidna u hu għamel għalihom.
15Dawn in-nies kienu twajbin ħafna magħna, u qatt ma ħabbtuna, u qatt ma naqasna xejn sakemm konna niġġerrew magħhom meta konna fir-raba’.
16Huma kienu sur għalina billejl u binhar, iż-żmien kollu li konna nirgħu n-nagħaġ magħhom.
17U issa kun af, u ara x’se tagħmel, għax ħsara hemm lesta għal sidna u għal daru kollha, għax hu bniedem mill-agħar u ħadd ma jista’ jkellmu.”
18U Abigajl fittxet tieħu mitejn ħobża, u żewġ żquq inbid, u ħames nagħġiet imsajrin u ħames kejliet qamħ inkaljat, u mitt għanqud żbib, u mitejn ċappa tin imqadded; u għabbiet kollox fuq il-ħmir.
19Imbagħad qalet lill-qaddejja tagħha: “Itilqu qabli u, araw, jien ġejja warajkom.” U ma qalet xejn lil żewġha Nabal.
20U ġara li hi u nieżla riekba fuq il-ħmar, minn taħt ir-riħ tal-għolja, tfaċċaw David u n-nies tiegħu niżlin u resqin lejha, u hi ltaqgħet magħhom.
21U David kien qal: “Qisni għal xejn għassist ma’ kulma kellu dan il-bniedem fid-deżert, u ma naqaslu xejn minn ħwejġu, biex issa raddli l-ġid bid-deni.
22Dan u agħar jagħmilli Alla, jekk sa għada filgħodu jibqa’ raġel wieħed biss minn niesu.”
23U malli Abigajl lemħet lil David, fittxet tinżel minnufih minn fuq il-ħmar, mielet u ntefgħet wiċċha fl-art,
24u nxteħtet f’riġlejn David, u qaltlu: “Ħa nieħu l-ħtija fuqi waħdi, sidi; ħalli titkellem il-qaddejja tiegħek f’widnejk, u isma’ kliem il-qaddejja tiegħek.
25La tagħtix kas, sidi, ta’ Nabal, dan raġel mill-agħar: ismu miegħu, Nabal, bla moħħ, u bluha waħdu. U jiena, il-qaddejja tiegħek, ma rajtx iż-żgħażagħ ta’ sidi, li int bgħatt.
26U issa, sidi, daqs kemm hu ħaj il-Mulej u daqs kemm int ħaj int, il-Mulej ma ħalliekx ixxerred id-demm u titħallas b’idejk; u ħa jkunu bħal Nabal l-għedewwa tiegħek u kull min ifittex jagħmel id-deni lil sidi.
27U hawn dan il-ġid li ġiebet il-qaddejja tiegħek lil sidi, qassmu liż-żgħażagħ, li qegħdin jimxu wara sidi.
28Aħfer dnub il-qaddejja tiegħek, għax il-Mulej għad jibni dar soda għal dejjem lil sidi; għax qiegħed jiġġieled il-gwerer tal-Mulej, u l-għawġ ma jilħqekx għal kemm iddum ħaj.
29U jekk iqum xi ħadd biex jagħmel għal warajk u jfittixlek ħajtek, il-Mulej, Alla tiegħek, jerfa’ l-ħajja ta’ sidi fis-sorra tal-ħajja, u l-ħajja tal-għedewwa tiegħek jarmiha bħallikieku ċagħka mill-keffa tal-iżbandola.
43David kien iżżewweġ ukoll lil Aħinogħam minn Ġeżragħel, u t-tnejn kienu n-nisa tiegħu.1 Sam 18,20; 19,10-11; 27,3; 30,5; 2 Sam 3,13-15; 1 Kron 3,1.
44U Sawl kien ta lil bintu Mikal, il-mara ta’ David, lil Palti bin Lajs, minn Gallim.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.