BIN SIRAK 45 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 45Mosè

1U ħareġ minnu raġel qalbu tajba,

li sab grazzja f’għajnejn il-bnedmin kollha;

kien maħbub minn Alla u mill-bnedmin,

Mosè, imbierka t-tifkira tiegħu.

2Tah glorja daqs dik tal-qaddisin,

u kobor li jbażża’ l-għedewwa tiegħu.

3Għall-kelma tiegħu għamel l-għeġubijiet

u tah glorja quddiem is-slaten;

tah il-kmandamenti għall-poplu tiegħu

u wrieh xi ħaġa mill-glorja tiegħu.

4Qaddsu għax kien fidil u umli,

għażlu minn fost il-bnedmin kollha.

5Semmagħlu leħnu,

u daħħlu fid-dalma,

u wiċċ imb wiċċ tah il-kmandamenti,

il-Liġi tal-ħajja u l-għerf,

biex jgħallem lil Ġakobb l-ordnijiet tal-patt,

u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.Aron

6Qajjem lil Aron, qaddis bħal Mosè,

ħuh, mit-tribù ta’ Levi.

7Għamel miegħu patt għal dejjem,

u tah is-setgħa ta’ qassis fuq il-poplu;

żejnu b’ilbies mill-isbaħ,

u xeddlu libsa ta’ glorja.

8Libbsu b’ġieħ perfett,

u wettqu b’simboli ta’ setgħa:

il-qalziet tal-għażel, il-libsa twila u l-efod.

9U dawru dawramejt bir-rummien,

b’ħafna qniepen tad-deheb madwaru,

biex isemmgħu d-daqq tagħhom mal-mixi tiegħu,

biex jagħmlu ħoss jinstama’ fit-tempju,

bħala tifkira għal ulied il-poplu tiegħu.

10Libbsu b’libsa sagra, bid-deheb, kulur il-vjola

u l-porpra, xogħol tas-sengħa,

bil-pettoral tal-ħaqq, l-Urim u t-Tummim,

maljatura tal-iskarlatt, xogħol ta’ bniedem tas-sengħa;

11b’ħaġar prezzjuż imnaqqax bħal siġill,

imqiegħed fuq id-deheb, xogħol min jaħdem il-ħaġar,

b’kitba mnaqqxa b’tifkira tal-għadd

tat-tribujiet ta’ Iżrael;

12b’kuruna tad-deheb fuq it-turbant tiegħu,

minquxa bis-siġill tal-konsagrazzjoni,

oġġett ta’ stima ta’ min jiftaħar bih, xogħol ta’ ħila,

tiżjin li l-għajnejn jitgħaxxqu bih.

13Fiż-żminijiet ta’ qablu ma kienx hemm ħwejjeġ sbieħ bħal dawn,

u qatt ħadd ma libishom ħlief uliedu biss u nislu għal dejjem.

14Is-sagrifiċċji tiegħu jinħarqu għalkollox,

darbtejn kuljum għal dejjem.

15Mosè kkonsagrah

u dilku biż-żejt imqaddes;

dan kien għalih patt għal dejjem

u għal nislu sakemm idumu s-smewwiet,

biex jaqdi lill-Mulej u jservi ta’ qassis,

u jbierek il-poplu tiegħu f’ismu.

16Għażlu minn fost il-ħajjin kollha

biex joffri sagrifiċċju lill-Mulej,

inċens u sagrifiċċju jfuħ b’tifkira,

biex ipatti f’isem il-poplu.

17Bil-kmandamenti tiegħu tah

setgħa fl-ordnijiet u d-digrieti

biex jgħallem lil Ġakobb il-Liġi,

biex idawwal lil Iżrael bil-Liġi tiegħu.

18Oħrajn qamu kontrih

u ġiethom l-għira għalih fid-deżert,

in-nies ta’ madwar Datan u Abiram

u l-ġemgħa ta’ Koraħ, bil-qilla u l-għadab.

19Dan rah il-Mulej u ma għoġbux,

u bil-qilla ta’ għadbu temmhom f’salt wieħed,

u għamel għeġubijiet kontrihom,

u kielhom in-nar iħeġġeġ tiegħu.

20U żied il-glorja ta’ Aron

u tah il-wirt;

tah b’sehmu l-aqwa frott tal-bikri,

ħejjielu l-ewwel ħobż bix-xaba’.

21Għax jieklu s-sagrifiċċji tal-Mulej,

li l-Mulej ta lilu u lil nislu.

22Imma ma wiret xejn minn art il-poplu,

u fost il-poplu m’għandux sehem,

għax il-Mulej hu sehmu u wirtu.

Fineħas

23Fineħas bin Elgħażar hu t-tielet wieħed fil-glorja

għall-ħeġġa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej;

hu żamm sħiħ waqt li l-poplu ħareġ minn triqtu,

meta ruħu kienet ħerqana fi tjubitha;

u ħallas għal Iżrael.

24Minħabba f’hekk sar miegħu patt ta’ sliem,

li jkun imexxi s-santwarju u l-poplu tiegħu,

biex hu u nislu

jkollhom il-ġieħ tas-saċerdozju għal dejjem.

25U l-patt ma’ David bin Ġesse,

mit-tribù ta’ Ġuda,

kien li wirt is-sultan jgħaddi biss minn iben għal iben,

imma wirt Aron jgħaddi għand nislu kollu.

26Jagħtikom il-Mulej l-għerf f’qalbkom

biex tagħmlu ħaqq mill-poplu tiegħu bil-ġustizzja,

biex ma jgħibx it-tajjeb tiegħu,

u l-glorja tiegħu tibqa’ għall-ġenerazzjonijiet tiegħu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help