3U fuq dan jixraqlek iżżomm għajnejk miftuħa
u ssejjaħlu quddiemek għall-ħaqq?
4Xi ħadd, mela, jista’ jislet is-safi mill-imniġġes?
Ħadd!
5La darba jiemu magħdudin,
la darba l-għadd tax-xhur qiegħed f’idejk,
u ħażżiżtlu tarf li ma jistax jaqbżu,
6warrab għajnejk minn fuqu,
u ħallih itemm il-jum tiegħu bħal ħaddiem mikri.
7Siġra għallinqas għandha tama,
li jekk tinqata’ terġa’ ttella’,
u ma jiġux nieqsa ż-żraġen tagħha.
8Imqar jixjieħu fl-art għeruqha,
u jinxef fit-trab iz-zokk tagħha,
9kif tħoss l-ilma terġa’ tarmi,
u tagħmel il-friegħi bħal xitla ġdida.
10Iżda l-bniedem imut u jispiċċa;
xħin toħroġ ruħu fejn ikun?
11Bħalma jinxtorob l-ilma mill-baħar,
jew tinxef xmara u titqaxqax,
12hekk il-bniedem li jmut, ma jqumx aktar,
sa ma jintemmu s-smewwiet ma jistenbaħx,
le, ma jqumx mir-raqda tiegħu.
13Mhux li kont taħbini f’Art l-Imwiet
fejn nistkenn sa ma tibred il-korla tiegħek
u tiffissali żmien li tiftakar fija.
14Li kien jista’ bniedem imut u jerġa’ għall-ħajja,
iż-żmien kollu tas-servizz tiegħi kont nissaporti
sa ma jasal il-waqt tal-bidla tiegħi.
15Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek,
kont titgħaxxaq bl-opra ta’ jdejk.
16Ma kontx tgħoddli l-passi tiegħi,
lanqas tgħassisli għal dnubieti,
17kont tissiġilla f’sorra l-ħtija tiegħi,
u tiksi bil-ġir il-ħżunija tiegħi.
18Bħalma tittiekel muntanja u tiġġarraf
u jitqanqal minn postu l-blat,
19bħalma jiekol l-ilma l-ġebel,
u jiknes l-għargħar il-ħamrija,
hekk int ixxejjen it-tama tal-bniedem.
20Int iżżarmah u hu jitlaq għalkollox,
tħassarlu surtu u tibagħtu.
21Jekk jiksbu ġieħ uliedu, hu ma jkunx jaf,
jekk jaqgħu fl-għajb, lanqas jintebaħ.
22Għalih biss ibati ġismu,
għalih waħdu titniehed ruħu.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.