SALMI 37 - Maltese Bible with DC

Salm 37Il-premju tat-tajbin u l-kastig tal-ħżiena

1Ta’ David.

La tagħdabx minħabba l-ħżiena,

la tgħirx għal dawk li jagħmlu d-deni;

2għax bħall-ħaxix malajr jidbielu,

u bħan-nibbieta malajr jinxfu.

3Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;

għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;

4qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,

u jagħtik dak li tixtieq qalbek.

5Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek,

afda fih, u jagħmel hu.

6Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek,

u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar.

7Serraħ rasek fil-Mulej u ittama fih;

tinkeddx minħabba f’min jirnexxi

u f’min jimxi bil-ħżunija.

8Ħallik mill-korla u la tirrabjax;

tinkedd xejn, għax deni jiswielek.

9Għax il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra;

min jittama fil-Mulej jikseb l-art.

10Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar;

għad tħares fejn kien u ma ssibux.

11Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art,

u bi sliem kotran jitgħaxxqu.

12Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust,

u jgħażgħeż snienu kontra tiegħu,

13imma l-Mulej bil-ħażin jidħak,

għax jara li wasal żmienu.

14Jisiltu s-sejf il-ħżiena

u jiġbdu l-ark tagħhom,

biex joqtlu l-imsejken u l-fqajjar,

u joqtlu ’l min jimxi sewwa.

15Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom,

u l-ark tagħhom jitkisser.

16Aħjar il-ftit li għandu l-ġust

mill-ġid kotran tal-ħżiena;

17għax dirgħajn il-ħażin jitkissru,

imma l-Mulej iżomm il-ġusti.

18Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin,

u wirthom jibqa’ għal dejjem.

19Ma jitfixklux f’siegħa ħażina,

u jixbgħu fi żmien il-ġuħ.

20Imma l-ħżiena għad jintilfu;

l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba’,

u jgħibu kif jgħib id-duħħan.

21Jissellef il-ħażin u ma jroddx;

imma l-ġust iħenn u jagħti.

22Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art;

imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu ’l barra.

23Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem,

iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.

24Jekk jaqa’, ma jmurx għal tulu fl-art,

għax il-Mulej iżommlu idu.

25Kont żagħżugħ, u issa xjeħt,

u qatt ma rajt il-ġust minsi,

jew uliedu jittallbu ħobżhom.

26Dejjem iħenn u jislef bil-qalb,

u wliedu jgħixu bil-barka.

27Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,

biex tibqa’ tgħammar għal dejjem.

28Għax il-Mulej iħobb is-sewwa,

u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu;

hu jħarishom għal dejjem,

imma wlied il-ħżiena jeqridhom.

29Il-ġusti jirtu l-art,

u jgħammru fiha għal dejjem.

30Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf,

u lsienu jgħid is-sewwa.

31Il-liġi ta’ Alla tiegħu għal qalbu,

ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.

32Il-ħażin jgħasses għall-ġust,

u jfittex li jneħħilu ħajtu.

33Imma l-Mulej ma jitilqux f’idejh,

ma jħallihx jaqa’ taħt il-ħaqq tiegħu.

34Ittama fil-Mulej u ħares triqtu,

hu jerfgħek biex tikseb l-art;

imbagħad tara l-ħżiena meqruda.

35Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar

jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.

36Erġajt għaddejt, u ma rajtux;

fittixtu, u ma sibtux.

37Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa;

għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.

38Imma l-midinbin flimkien jinqerdu;

ulied il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra.

39Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;

hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.

40Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,

isalvahom għax fih jistkennu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help