1Għall-mexxej tal-Kor. Salm ta’ David
2Hieni min jaħseb fil-fqir u d-dgħajjef;
f’jum l-għawġ jeħilsu l-Mulej.
3Il-Mulej iħarsu, jagħtih il-ħajja u jhennih fuq l-art;
ma jitilqux għar-rieda tal-għedewwa tiegħu.
4Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard;
ifejqu mill-mard meta jkun mixħut.
5Jien għedt: “Ħenn għalija, Mulej;
fejjaqni, għax dnibt kontra tiegħek.”
6L-għedewwa jixtiquli d-deni u jgħidu:
“Meta se jmut u jintemm ismu?”
7Min jiġi jżurni jgħid kliem fieragħ;
jixtieq isir jaf aħbarijiet ħżiena,
biex ixandarhom kif joħroġ barra.
8Dawk kollha li jobogħduni jfesfsu bejniethom kontrija;
jaħsbu dak li hu ħażin għalija,
9“Marda mill-agħar ġiet fuqu;
ma jqumx iżjed mnejn hu mixħut!”
10Imqar ħabibi, li fih kont nafda,
li kiel minn ħobżi, intrefa’ kontrija.
11Imma int, Mulej, ħenn għalija u qajjimni,
u nkun nista’ nagħtihom li ħaqqhom.
12Minn dan nagħraf li int kuntent bija,
li l-għadu ma jifraħx minħabba fija.
13U lili inti żżommni, għax jien bla ħtija,
u tqegħedni għal dejjem quddiemek.
14Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
minn dejjem għal dejjem. Ammen! Ammen!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.