ISAIJA 9 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 9

1Il-poplu li kien miexi fid-dlam

ra dawl kbir;

in-nies li joqogħdu f’art id-dlam

dawl idda fuqhom.

2Int kattart il-ġens,

kabbart l-hena;

huma ferħu quddiemek,

bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,

bħalma jifirħu fi qsim il-priża.

3Għax il-madmad li kien itaqqlu,

u l-ħatar ta’ fuq spallejh,

u l-bastun tal-argużin,

int kissirthom bħal f’jum Midjan.

4Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa,

kull mantell mgħargħar fid-demm

jispiċċa għall-ħruq,

biex jieklu n-nar.

5Għax tweldilna tifel,

ingħatalna iben;

is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:

“Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan,

Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.”

6Kbira tkun setegħtu,

u s-sliem bla qjies

fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu.

Hu jwettaqha u jsaħħaħha

bil-ħaqq u s-sewwa,

minn issa u għal dejjem.

Il-ħeġġa tal-Mulej tal-eżerċti tagħmel dan.L-għadab ta’ Alla kontra Iżrael

7Bagħat Sidi kelma kontra Ġakobb,

u waqgħet fuq Iżrael.

8Il-poplu kollu jkun jaf,

Efrajm u dawk li jgħammru f’Samarija,

dawk li jgħidu mkabbra u suppervi f’qalbhom:

9“Waqa’ x-xaqquf, nibnu bil-ġebel minġur;

tqaċċat il-ġummajż, inxettlu ċ-ċedru.”

10U l-Mulej qajjem kontrih l-avversarji tiegħu,

u xewwex l-għedewwa tiegħu:

11Lil Aram mil-Lvant, u l-Filistin mill-Punent,

li belgħu lil Iżrael b’ħalq daqsiex.

B’danakollu l-kotra tiegħu ma reġgħetx lura,

u idu għadha merfugħa.

12Il-poplu ma darx lejn min darbu,

u l-Mulej tal-eżerċti ma fittxewhx.

13Għalhekk il-Mulej qata’ minn Iżrael

ir-ras u d-denb,

il-palma u s-simar f’jum wieħed;

14l-anzjan u n-nobbli huma r-ras,

u l-profeta, mgħallem il-gideb, id-denb!

15Il-mexxejja ta’ dan il-poplu mexxewh ħażin,

u ntilfu l-immexxijin.

16Għalhekk Sidi ma jħennx għaż-żgħażagħ tagħhom;

ma jitħassarx l-iltiema u r-romol tagħhom.

Għax ilkoll midgħajja u ħżiena;

kull fomm jitkellem il-bluha.

Minkejja dan għadbu ma reġax lura,

u idu għadha merfugħa.

17Għax il-ħażen bħal ħuġġieġa nar,

jibla’ x-xewk u l-ħurrieq,

u jqabbad il-ħatab tal-masġar,

u jinbarmu ’l fuq f’kolonna duħħan.

18Bl-għadab tal-Mulej tal-eżerċti maħruqa l-art,

u l-poplu bħal ikel in-nar,

u ma jaħmilx wieħed lil ieħor.

19Jaħtaf min-naħa tal-lemin, u jibqa’ bil-ġuħ,

jiekol min-naħa tax-xellug, u ma jixbax,

kull wieħed jiekol laħam għajru.

20Manassi kontra Efrajm,

Efrajm kontra Manassi,

it-tnejn flimkien kontra Ġuda.

Minkejja dan għadbu ma reġax lura,

u idu għadha merfugħa.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help