SALMI 94 - Maltese Bible with DC

Salm 94Alla jaf jitħallas

1Mulej, Alla li taf titħallas,

Alla li taf titħallas, tfaċċa!

2Qum, imħallef tad-dinja,

roddilhom li ħaqqhom lill-kburin.

3Kemm se jdumu l-ħżiena, Mulej,

kemm se jdumu l-ħżiena jifirħu?

4Kliem kburi joħroġ minn fommhom;

kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar.

5Huma jkasbru, Mulej, lill-poplu tiegħek,

u jgħakksu lill-poplu ta’ wirtek.

6Joqtlu l-armla u l-barrani,

u l-mewt jagħtu lill-iltiema;

7u jgħidu: “Ma jarax il-Mulej;

ma jintebaħx Alla ta’ Ġakobb.”

8Ifhmuha, intom nies boloh fost il-poplu!

Nies bla moħħ, meta se tintebħu?

9Forsi min għamel il-widnejn ma jismax?

Jew min sawwar l-għajnejn ma jarax?

10Taħsbu li min iwiddeb lill-ġnus ma jrażżanx?

Jew m’għandux għerf min jgħallem lill-bniedem?

11Jagħraf il-Mulej il-ħsibijiet tal-bniedem,

u jaf li mhumiex ħlief frugħa.

12Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej,

li tgħallmu l-liġi tiegħek,

13biex isserrħu f’jiem l-għawġ,

sa ma jitħaffer il-qabar għall-ħati.

14Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu,

ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.

15Għax il-ħaqq jerġa’ jsir bil-ġustizzja,

u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja.

16Min se jaqbeż għalija kontra l-ħżiena?

Min se jżomm miegħi kontra min jagħmel il-ħażen?

17Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna,

għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.

18Biżżejjed ngħid: “Qiegħed jiżloq riġli,”

biex tjubitek, Mulej, tweżinni.

19Meta joktor l-hemm ġo qalbi,

il-faraġ tiegħek ihennili ruħi.

20Jistgħu mħallfin ħżiena jissieħbu miegħek,

li jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi?

21Jiftiehmu bejniethom kontra l-ħajja tal-ġust,

u jikkundannaw in-nies bla ħtija.

22Iżda l-Mulej hu fortizza għalija,

u Alla tiegħi l-blata tal-kenn tiegħi.

23Hu jdawwar għal fuqhom ħżunithom,

għall-ħażen tagħhom jeqridhom;

jeqridhom il-Mulej Alla tagħna!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help